Lokali
FILMAT: nirien jikkawżaw ħsarat estensivi u qtugħ fid-dawl fl-inħawi ta’ San Ġiljan

Partijiet minn San Ġiljan u lokalitajiet oħra fil-qrib matul il-lejl spiċċaw mingħajr provista tal-elettriku kawża ta’ nirien f’waħda mill-mini tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. L-Enemalta qalet li l-ħsarat fin-network tal-vultaġġ għoli kienu estensivi.

Partijiet minn San Ġiljan, Pembroke, is-Swieqi, San Ġwann, il-Magħtab u Baħar iċ-Ċagħaq kellhom qtugħ fil-provista tal-elettriku wara li għall-ħabta tan-nofs siegħa tas-Sibt filgħodu ġie identifikat li hemm diffikulta’ fl-operat fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku ta’ St Andrew’s f’Pembroke. Il-kawża kienet nirien f’mina tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili daħlu fil-mina fgata bid-duħħan fejn skont stqarrija tal-Enemalta għadd ta’ cables jaqbdu nstabu diversi mijiet ta’ metri ‘il ġewwa fil-mina. Wara li n-nirien intfew u l-mina ġiet ċertifikata li hi sikura biex jidħlu fiha uffiċċjali u inġiniera tal-Enemalta saret spezzjoni tal-ħsarat fuq cables ta’ 33 kV.

Minnufih bdiet ħidma biex terġa’ tingħata l-provista liċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ St Andrew’s b’għadd ta’ ħaddiema tal-Enemalta komplew bil-ħidma matul il-ġurnata tas-Sibt biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

Il-provvista tal-elettriku bdiet tingħata lura gradwalment minn sorsi oħra, b’ċerti nħawi għamlu bosta sigħat mingħajr elettriku.

L-Enemalta qalet li qed tistħarreġ l-inċident biex tidentifika u timplimenta dawk il-miżuri li jsitgħu ikunu meħtieġa biex jonqos ir-riskju ta’ dawn it-tip ta’ diffikultajiet.