Lokali
Nirien Marsaskala: Inkjesta Maġisterjali se tiddeċiedi jekk is-CPD damux ma waslu

Issoktaw l-investigazzjonijiet wara l-inċident fatali tal-Ħadd filgħodu li fih tilef ħajtu Gordon Spiteri, ta’ 35 sena. L-awtopsja ikkonfermat li Spiteri miet kawża tad-duħħan li bela’ f’nar li żviluppa f’appartament tal-blokk fejn kien joqgħod fi Triq l-Aħmar f’Wied il-Għajn. Il-Maġistrat Joe Mifsud li qed imexxi l-inkjesta awtorizza r-rilaxx tal-katavru għad-difina. Sadanittant, TVM huwa infurmat li qed isiru investigazzjonijiet separati dwar allegazzjoni li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili damu ma waslu fuq il-post.

Ħadd mis-sitt persuni li ddaħħlu l-isptar wara n-nirien li ħakmu appartament f’Wied il-Għajn ma kien f’kundizzjoni gravi u ħadd minnhom m’għadu qed jinżamm l-isptar. Fosthom Lara Calleja u Josianne Micallef li kienu fl-appartament fejn in-nar x’aktarx minn heater. Calleja għalkemm għadha taħt xokk, ilmentat ma’ TVM li għalkemm ċemplet erba’ darbiet fuq in-numru tal-emerġenza, 112, il-membri tal-protezzjoni ċivili, skont hi ħadu 35 minuta sakemm waslu minn Kordin sa Wied il-Għajn.

Huwa mifhum li l-awtoritajiet konċernati ntalbu l-log tat-telefonati anke għall-inkjesta maġisterjali. Sorsi infurmati qalu lil TVM li l-vetturi tat-tifi tan-nar ħarġu mill-istazzjon ta’ Kordin erba’ minuti wara li kienu infurmati bin-nirien u fi żmien 14-il minuta kienu diġà f’Wied il-Għajn. L-istess sorsi qalu li seta’ kien hemm ftit dewmien sakemm waslu fuq il-post minħabba l-blokk jinsab f’geġġwiġija ta’ toroq. Gordon Spiteri li kien il-vittma ta’ dan l-inċident kien diġà fl-ambulanza sa nofs siegħa wara li saret it-telefonata.

L-awtopsja li saret it-Tnejn filgħodu kkonfermat li Gordon Spiteri ma mietx bin-nar iżda bid-duħħan li bela’. Huwa nstab fil-parti komuni tal-blokk sular ‘il fuq mill-appartament li nħakem min-nirien.

Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li n-nar beda meta ż-żewġ tfajliet Lara Calleja u Josienne Micallef kienu reqdin. Waħda minnhom qamet maħsuda bi spluzzjoni u rat il-heater tal-elettriku jaqbad. Dak il-ħin huma ppruvaw jgħattu l-heater b’borma, iżda kif raw li n-nar infirex mal-għamara, ħarġu jiġru ‘l barra.

L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu surġent u kuntistabbli mill-Għassa ta’ Wied il-Għajn u bdew jassistu lir-residenti kollha tal-blokk sabiex joħorġu ‘l barra. Wara huma staqsew jekk fadalx xi ħadd ġewwa, ġew infurmati li fl-appartament numru 5 kien joqgħod Gordon. Wieħed mir-residenti qal lil pulizija li ra lil Gordon fil-gallerija u qallu biex jipprova jitla’ fil-penthouse sabiex joħorġu minn fuq il-bejt, madankollu minħabba d-duħħan iswed ma jafx x’ġara.

Il-Pulizija daħlu fil-komun u bdew jisimgħuh jgħajjat għall-għajnuna. Huma tawh struzzjonijiet sabiex jinżel ‘l isfel peress li d-duħħan kien fis-sulari ta’ fuq. Għal xi raġuni huwa baqa’ fuq u beda jinstema’ jgħajjat biex xi ħadd jiftaħlu l-bieb, sakemm semgħu ħġieġa tinkiser u lil Gordon ma semgħux iżjed.

Il-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabuh mitluf minn sensih fil-indana tat-taraġ quddiem il-penthouse. It-tim mediku ippruva jsalvalu ħajtu iżda ġie ċċertifikat mejjet fl-isptar.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ħalba xita qawwija bis-sajjetti fl-ewwel jum tal-istaġun tas-sajf, għarqet diversi lokalitajiet magħrufa fejn jinġemgħa l-ilma u fost oħrajn tat battikatta lid-dilletanti Qriema u s-Siġġiwin biex iħarsu l-armar tal-festa mill-ħsara li…

Lokali

Il-Ministru Evarist Bartolo iltaqgha’ wkoll mad-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio fejn tkellmu fuq kif nistgħu naħdmu flimkien u naqsmu l-esperjenza li għandna fil-qasam tax-xogħol u li nħeġġu iżjed persuni jidħlu…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lil Simon Schembri biex jikkunsidra li, jekk ikun jista’, jibqa’ fil-Korp tal-Pulizija biex ikompli jservi ta’ ispirazzjoni għall-membri u għall-pubbliku. Dan waqt laqgħa li kellu mal-Kuntistabbli…

Aktar