Barranin
Nisa fl-Arabja Sawdija se jiġu avżati li ġew iddivorzjati b’messaġġ

Permezz ta’ liġi ġdida fl-Arabja Sawdija n-nisa għandhom jibdew jiġu avżati b’messaġġ meta jkunu ngħataw id-divorzju.

Din il-liġi għandha ttemm l-anomalija eżistenti fejn nisa kienu jiġu ddivorzjati mingħajr ma jkunu jafu bl-azzjoni ta’ żewġhom. Dan kien iwassal biex in-nisa jitilfu ċertu drittijiet, bħal dawk għal manteniment.

Fil-Qorti kienu diversi n-nisa li fetħu appell wara li ġew iddivorzjati mingħajr ma kienu jafu.

Il-liġi hija fost riformi oħra favur iktar drittijiet tan-nisa, li qed jiġu mbuttati mill-Prinċep tal-Kuruna Mohammed Bin Salam, fosthom li n-nisa se jitħallew jidħlu fi grawnd tal-futbol għall-ewwel darba.

Il-qagħda tad-drittijiet tan-nisa fis-Sawdi iżda tibqa’ waħda mwiegħra meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Golf, fejn in-nisa għadhom ma jistgħux jagħmlu affarijiet bażiċi mingħajr il-permess ta’ raġel.

Fost oħrajn, nista fis-Sawdi ma jistgħux jiżżewġu, japplikaw għal passaport, isiefru, jiftħu kont tal-bank, jew jagħmlu operazzjoni, mingħajr il-permess ta’ żewġhom jew qarib.