Televiżjoni u Radju
“Nixtieq li sal-aħħar jum ta’ ħajti nkun fuq ir-radju”

Ix-xandar veteran ta’ Radju Malta, Vincent Scerri, qal li jixtieq li l-aħħar jum ta’ ħajtu jkun fuq ir-radju. Vincent Scerri qal dan lil TVM hekk kif illum huwa l-jum dinji tar-radju, mfakkar min-Nazzjonijiet Magħquda.

Illum Vincent Scerri, li ilu jippreżenta sa minn żmien ir-Redifussion, għalaq 79 sena. Waqt li kien qed ixandar il-programm tiegħu Ferrovija Mużikali fuq Radju Malta, Vincent Scerri qasam magħna dak li jfisser għalih ir-radju. “Ili fuq ir-radju, redifussion mill-1964, 60 sena, u nixtieq li bħal Charles Arrigo, li meta niġi biex inħalli din id-dinja, inkun bilqegħda hawn”.

F’pajjiżna r-radju ilu jxandar sa minn meta beda r-redifussion, fl-1935, bl-istazzjon nazzjonali tar-radju kien l-uniku servizz fuq ir-radju li żamm lill-poplu Malti u Għawdxi infurmat b’dak li qed jiġri u anki żamm kumpannija.

Fid-dinja ir-radju ilu jeżisti għal 110 snin, bin-Nazzjonijiet Magħquda tfakkar il-jum kull tlettax ta’ Frar, bil-messaġġ ta’ din is-sena hu biex ix-xandara iwasslu programmi li jiċċelebraw id-diversita’ umana.

Għal diversi xandara tal-istazzjon nazzjonali, ir-Radju huwa mezz essenzjali biex jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

“Li tkun qed iżżomm kumpannija lil nies waħidhom, ma jkunux jistgħu jorqdu, li jsibu solljev fir-radju u titkellem magħhom,” fisser ix-xandar ta’ Radju Malta Roderick Azzopardi Custò.

Xandara Magic Malta”Mingħajr mużika ma noqgħodx u l-għan tiegħi li nieħu gost li dak li jkun nagħmillu l-ġurnata aħjar bil-programm u muzika,” qalet Tina Christie, xandara ta’ Magic Malta.

“Importanti li meta nwasslu l-messaġġ, inkun qisni fid-dar mas-semmiegħa, biex inkunu nistgħu nħossuna magħhom bħala kumpanija,” spjega t-tekniku ta’ Radju Malta, Gordon Caruana.

Minkejja li t-televiżjoni u l-internet komplew wessgħu l-mezzi tal-komunikazzjoni, in-Nazzjonjiet Magħquda qalet li r-radju baqa’ mezz b’saħħtu li kompla ta servizz essenzjali għal matul il-pandemija, kemm minħabba messaġġi ta’ edukazzjoni dwar il-pandemija u anki għax baqa’ jżomm kumpannija u offra wens lil tant nies anzjani u vulnerabbli.

Intant, waqt żjara fl-istazzjonijiet tar-radju, Radju Malta, Radju Malta 2 u Magic Malta, il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, qal li r-radju jibqa’ mezz tax-xandir importanti li kompla jagħti servizz tant essenzjali waqt iż-żmien diffiċli tal-pandemija.

Ara iktar hawn:

Il-Ministru Abela jżur l-istazzjonijiet tar-radju tal-PBS