Kurżitajiet
“No Milk Today” – tgħid għad nibdew nimpurtaw il-baqar?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-1966, il-grupp minn Manchester Herman’s Hermits kien ħareġ id-diska “No Milk Today”. Kienet diska popolari ferm bil-kliem prinċipali jgħid “No milk today, My love has gone away.” Għalkemm kont għadni żgħir ħafna, snin wara niftakar li biex niċċajtaw konna nkantawha “No milk today, tal-baqra baqa’ għaddej!”

F’did-diska ftakart dan l-aħħar meta ħarġet l-aħbar li hawn skarsezza ta’ ħalib. Aħbar bħal din laqtet lil kulħadd. Fejn qatt morna nixtru l-ħalib u tal-merċa avżana li jekk irridu l-ħalib irridu nibdew nordnawh? Min qal li r-raġuni hija ż-żieda fil-popolazzjoni, min qal li lill-baqar qegħdin jaħilbu inqas, u kulħadd jgħid tiegħu. Kważi kważi tkellem kulħadd minbarra l-baqar infushom.

Fl-ewwel nofs tas-seklu li għadda, problema bħal din ma kinitx tiġri żgur. Għax kien iktar popolari l-ħalib tal-mogħoż milli tal-baqar. U ma kienx jiġi fil-pakketti lanqas. Kienet użanza li merħliet sħaħ ta’ mogħoż iduru t-toroq tal-bliet u rħula tagħna biex ibiegħu il-ħalib.  Fil-Belt Valletta biss jingħad li kienu jidħlu madwar 2,000 mogħża kuljum.

U frisk u sħun kien ikun il-ħalib għax jinħaleb dak il-ħin quddiemek. Il-mara tad-dar toħroġ b’xi bott tal-enamel, u r-raġel jew tifel mal-merħla jaħleb il-mogħża u jżomm sold għal kull bott ħalib. Sold jiswa daqs ċenteżmu wieħed ta’ llum.

Imma dan kien il-gwaj. Il-marda tad-deni rqiq kienet qiegħda tifni lill-poplu Malti; fjammazzjoni fil-milsa u uġigħ fil-għadam u deni. Ħadd ma kien jaf minn fejn ġej dan id-deni sakemm Dr Temi Zammit fl-1905 skopra li l-mikrobu kien ġej mill-ħalib tal-mogħoż.

Kien għalhekk li ftit qabel il-gwerra il-pastorizzazzjoni tal-ħalib sar obbligatorju, kemm tal-mogħoż u anki tal-baqar. Il-ħalib tinbidillu t-temperatura tiegħu f’daqqa u b’hekk tinqatel kull bakterja possibbli.

Il-ħalib beda jinbiegħ fil-fliexken u fl-iskejjel ġieli qassmuhulna fi speċi ta’ piramidi tal-kartun b’togħmiet differenti. Kemm konna nistennew il-jum tal-Ħamis meta kien ikun b’togħma ta’ ċikkulata! Fl-aħħar snin il-ħalib beda jinbiegħ fil-pakketti minkejja li kawża tagħhom żdied l-iskart!

Sadanittant il-baqar ta’ pajjiżna maħlubin u stressjati f’kull sens jippruvaw ilaħħqu mad-domanda. Tgħid għad nibdew nimpurtaw il-baqar? Mhux mill-Indja żgur għax dawk għaddejjin xalata minħabba li l-Ħindu jqisu l-baqra bħala sagra… u żgur ma jistressjawhomx!

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel ta’ 49 sena residenti l-Gżira nħeles mill-arrest wara li darab ħafif lis-sieħba tiegħu li jgħixu flimkien. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-vittma qalet li tixtieq li jibqgħu jgħixu flimkien u…

Qorti

Liam Debono nżamm arrestat wara li mill-ġdid sab ruħu l-Qorti b’rabta mal-arrest li seħħ ilbieraħ wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Debono ġie akkużat li lbieraħ…

Lokali

Malta u Għawdex illum qed jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Il-postijiet tal-votazzjoni fetħu fis-7am u se jagħlqu fl-10pm TVM qed idur diversi lokalitajiet fosthom għall-ħabta tal-10am kien jinsab…

Aktar