Saħħa
Nofs il-parteċipanti fi studju dwar is-smigħ kellhom il-problemi

Studju dwar is-smigħ sab li nofs l-400 persuna li sarilhom test tas-smigħ irriżulta li kellhom problemi.

Instab li terz ta’ dawk bi problemi jaħdmu f’ambjent storbjuż u ma jużaw l-ebda tip ta’ protezzjoni.

Ir-riżultati tal-ewwel fażi tal-istħarriġ ġew preżentati fil-ġurnata meta bdiet fażi oħra tal-istħarriġ li fiha se jiġu nvistati 200 persuna oħra.

Proġett pilota li beda f’Ġunju offra testijiet tas-smigħ bla ħlas lil persuni minn 15-il lokalità.

Fil-preżentazzjoni tar-riżultati tal-ewwel fażi tal-proġett li fih ġew invistati qrib l-400 persuna ntqal li 51% kellhom problemi ta’ smigħ.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin, Andrew Sciberraas, qal li 36% ta’ dawk bi problemi jaħdmu f’ambjent ta’ xogħol storbjuż u ma jużaw l-ebda tip ta’ protezzjoni.

Huwa appella lin-nies biex jieħdu ħsieb is-smigħ sa minn eta’ bikrija.

“L-istorbju huwa ħażin meta jkun fuq certu livell … ipprova ipproteġu widnejkom b’ear protection għaliex li titlef ma tistax iġġibu lura … anke kunċert ikun daqxejn strorbjuż ilbes earpugs ghax tista’ tgħin”.

Dr Sciberraas qal li t-testijiet identifikaw infezzjonijiet u każi ta’ tinnitus u b’hekk ġew riferuti għal trattament.

Ir-riċerka wriet ukoll li 35% għandhom diffikultajiet tas-smigħ minħabba xema’ u dawn ingħataw iċ-ċans li jirċievu trattament mediku mingħand tabib.

Ġew identifikati wkoll xi persuni li kellhom kundizzjoni mhux magħrufa fil-parti ta’ barra ta’ widnejhom li ġew riferuti wkoll għal kura medika.

Il-proġett immexxi mill-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba se jissokta fit-tieni fażi li fiha se jiġu nvistati 200 persuna oħra.

Għall-Ministru Julia Farrugia Portelli dan il-proġett pilota qed jibgħat messaġġ b’saħħtu fuq l-importanza tal-ġbir tar-riċerka.

“Aktar ma wieħed jaghmel riċerka u jidentifika każijiet kmieni aktar aħjar għax wieħed jevita li s-sitwazzjoni twassal għal diżabilità. U nemmnu wkoll li rridu nibgħatu messaġġ b’saħħtu li jrid ikollna kwalità ta’ ajja ahjar inkluzjoni tajba illi wiehed ma jidejjaqx jaghmel dawn it testijiet”

Il-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba, qal li riżultat ta’ din ir-riċerka se jingħata stil ta’ ħajja aħjar lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna.

Huwa appella għal għarfien akbar fost il-pubbliku biex isiru t-testijiet biex f’każ ta’ problemi jiġu ndirizzati fi stadju bikri u b’hekk wieħed jevita li dawn iwasslu għal diżabilità permanenti.