Lokali
Nofs miljun ewro għar-restawr tal-Mużew tat-Tunnara fil-Mellieħa

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat il-fdalijiet li nstabu f’batterija storika, li s-sajjieda kienu jużawha bħala maħżen għax-xbieki tagħhom.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa beda proġett ta’ restawr tal-batterija Westreme, li tinsab mal-bajja tal-Għadira, u li llum sservi bħala mużew tat-Tunnara. Il-batterija nbniet 300 sena ilu fi żmien il-Gran Mastru Ramon Perellos. Għal ħafna snin serviet lis-sajjieda bħala maħżen għat-tunnara: il-mod kif sajjieda min-naħa ta’ fuq ta’ Malta kienu jistadu għat-tonn. Fl-aħħar ħmistax-il sena, il-post beda jservi bħala mużew indukrat mil-volontiera tal-Art Club 2000.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, qal li l-kunsill kiseb €400,000 minn fondi Ewropej għar-restawr tal-mużew. Is-Sindku Dario Vella qal li mal-fondi Ewropej, il-Kunsill irid joħroġ mal-€100,000 oħra. “B’dawn il-fondi se nkunu qed nirrestawraw il-binja minn barra. Kif ukoll se nirrestawraw il-post minn ġewwa wkoll,” qal is-Sindku. Żied jgħid li l-mużew ser ikollu ċentru ta’ interpretazzjoni, b’mezzi awdjo-viżivi biex l-esebiti jiġu ppreżentati lill-viżitaturi b’mod aħjar.

Il-Perit Joseph Attard qal li l-batterija nbniet mill-ġebla tal-Mellieħa li huwa ġebel tas-sekonda u se tiġi rrestawrata b’din it-tip ta’ ġebla minn bini li qed jitwaqqa’ fil-Mellieħa stess. Qal li l-ħajt oħxon hu magħmul minn żewġ qoxriet separati. “Ġewwa huwa mimli bil-ħamrija u laqx li aħna ngħidulu mazkan. Dan biż-żmien daħal l-ilma fih, għamel pressjoni u l-qoxra ta’ barra bdiet titbewwaq. Se jkollna nżarmaw il-qoxra ta’ barra, ninnumerawha il-ġebel li għandu bżonn jinbidel se jinbidel b’din il-ġebla tas-sekonda,” spjega l-Perit Attard.

L-esebiti fil-mużew jinkludu oġġetti oriġinali, xbieki u għodod, li kienu jintużaw għas-sajd tat-tonn. Il-kuratur tal-mużew Toni Valletta spjega li t-tunnara kienet bħal gżira ta’ xbieki li s-sajjieda kienu jitfgħu fil-bajja bejn Lulju u Settembru biex jaqbdu t-tonn. L-aħħar tunnara ntużat fl-1962 fil-Mellieħa. Spjega li kienet tintrama dgħajsa kbira fil-ponta tal-Aħrax u x-xibka kienet tintrabat magħha u tinġibed ‘l ġewwa.

“Kienet tikkonsisti f’erba’ kilometri ta’ xibka. Imbagħad kienu jagħmlu ħajt u dan il-ħajt tax-xibka kienu jorbtuh fejn aħna ngħidulu Daħlet ix-Xileb illum jgħidulu Slugs Bay, kien jintrabat hemmhekk u joħroġ sa nofs il-bajja. Allura inti kien ikollok nofs il-bajja magħluqa għall-ħut.” spjega l-kuratur.

Kompla jgħid li meta t-tonn kien jidħol min-naħa ta’ Selmun għal ġol-bajja, huwa u jdur jsib il-ħajt tax-xibka u kien jispiċċa fit-tunnara li kienet tingħalaq bir-riżultat li t-tonn kien jibqa’ maqbud fi tliet kmamar tax-xbieki sakemm is-sajjieda joħorġu ħdejhom u ssir il-mattanza – il-qtil tal-ħut.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Sas-sajf li ġej mistennija jkunu lesti għall-użu taċ-ċiklisti u l-pubbliku, żewġ pontijiet pedonali li qed isiru bħalissa għal żewġ toroq ewlenin fi Blata l-Bajda u qrib l-ajruport f’Ħal Luqa.Il-pontijiet qed…

Saħħa

Saċerdot li kien jgħallem l-Università jħoss li l-ġerħa tas-solitudni, hi fonda tant, li qed tinħass ukoll fost iż-żgħażagħ. F’kummenti lil Television Malta, Dun René Camilleri stqarr li f’ċerti każijiet, din…

Lokali

L-istudenti tal-primarja u l-ġenituri tagħhom għandhom ċans isiru jafu iktar dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffru l-industriji tax-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ expo li qed tiġi organizzata fl-Esplora fil-Kalkara. Fiċ-Ċentru…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif se jinħatar il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, b’metodu li fi kliemu hu aktar trasparenti mis-sistema ta’ bħalissa fejn il-ħatra ssir direttament mill-Prim Ministru. Dr Abela qal…

Aktar