Lokali
Nofs in-nisa Maltin esperjenzaw fastidju sesswali – studju Ewropew

Studju Ewropew wera li nofs in-nisa f’Malta esperjenzaw fastidju sesswali. Dan l-istudju wera li din hija l-problema hija mifruxa ferm aktar milli maħsub madwar fil-pajjiżi Ewropew. Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li medja ta’ 90 miljun mara fl-Unjoni Ewropea esperjenzaq forom differenti ta’ fastidju sesswali.

Ftit jiem biss qabel jitfakkar il-Jum Internazzjonali tal-mara, it-tema tal-fastidju sesswali huwa fost l-iktar li ddejjaq lin-nisa kif irriżultat mill-ġrajjiet ta’ dal-aħħar fl-industrija tal-films kienet diskussa f’konferenza organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li minn stħarriġ tal-Aġenżija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ħareġ li medja ta’ 90 miljun mara fil-pajjizi tal-Unjoni Ewropea esperjenzaw xi forma ta’ fastidju sesswali. Spjegat li nisa taħt l-40 sena li għandhom edukazzjoni terzjarja u li jaħdmu f’pożizzjoni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet huma l-aktar li jħabbtu wiċċhom mal-fastidju sesswali.

L-istħarriġ juri wkoll li nisa bejn 18 u 29 sena espejenzaw theddid u avvanzi offensivi fuq l-internet. Dr Dalli spjegat li minoranza żgħira ħafna ta’ nisa jirrapurtaw il-każ ta’ fastidju sesswali.

Il-Ministru Dalli qalet li ser tissaħħaħ il-liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-generu u vjolenza domestika b’abbozz ta’ liġi li jinsab fit-tieni qari fil-Parlament. Dan l-abbozz qalet Dr Dalli ser jemenda diversi liġijiet li huma maħsuba biex jagħtu protezzjoni lill-vittmi ta’ vjolenza u jassigura li ssir ġustizzja.

Fil-konferenza tkellmu wkoll rapprezentanti ta’ organizzazzjonijiet fosthom uffiċjali tal-Unjins u ta’ min iħaddem.