Numru ta’ presepji Maltin ġew esibiti fil-Mużew tal-Bibbja f’Washington l-Amerika

 

Wieħed mill-ħafna tradizzjonijiet tal-Milied f’pajjiżna huwa bla dubju il-presepju tradizzjonali. Ħafna huma dawk li jarmaw presepju ċkejken f’darhom, biss hawn dilettanti oħra li jibnu presepji kbar u mill-isbaħ.

‘Popolin’ tkellem ma’ Alexander Powell, President tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepji magħrufa l-aktar għall-wirja li ssir fil-Belt Kapitali. Powell ilu aktar minn tletin sena parti minn din l-għaqda, fill-fatt din il-wirja ilha tiġi esibita mill-1986, fiha jkun hemm uħud mill-isbaħ presepji ta’ pajjiżna. Għall-ewwel darba mit-twaqqif tal-Għaqda, din is-sena sfortunatament il-wirja ma saritx. Powell spjega li fil-wirja jkun hemm kemm presepji magħmula mill-aqwa presepisti f’pajjiżna, kif ukoll minn dawk li għadhom jibdew dan id-delizzju; “illum il-presepista Malti għolla l-livell”. L-għan ta’ din l-għaqda huwa li jkomplu jkattru l-imħabba lejn il-presepji fost il-Maltin.

Illum il-ġurnata l-presepisti Maltin qegħdin iħallu marka anke fuq livell nazzjonali. Riċentement smajna bil-mużew tal-bibbja fl-Amerika, li għandu eżebit presepju Malti. Din mhijiex l-unika inizjattiva li saret f’dan il-qasam. Din is-sena, id-dipartiment tal-arti u l-gvern lokali nieda konkors biex għaxar presepji Maltin jitilgħu fil-Mużew tal-Bibbja f’Washington, l-Amerika. Il-Konkors kien sfida mal-ħin għaliex il-presepji kellhom jitlestew f’inqas minn tliet xhur. Powell tenna li l-Amerikani kienu impressjonati bix-xogħol magħmul mill-presepisti Maltin.

It-Tradizzjoni tal-wirjiet tal-presepji Maltin żdiedet ġmielha, mhux biss fin-numru imma wkoll fil-kwalità; biss Powell tenna li “l-iktar importanti huwa l-presepju fid-djar Maltin. Li kull familja, f’darhom ikollhom il-presepju tagħhom”.