Lokali
Ħu l-bully jinħeles mill-akkużi ta’ kompliċità fl-importazzjoni ta’ kwantità kbira ta’ droga

Raġel li kien akkużat b’involviment fi pjan biex tiddaħħal id-droga f’pajjiżna ħareġ liberat minħabba nuqqas ta’ evidenza.

John Camilleri ta’ 51 sena mill-Imqabba kien akkużat li kien involut f’importazzjoni ta’ 2kg kokaina, kilo eroina u madwar 2,000 pillola ta’ ecstasy mill-Olanda.

Id-dħul ta’ din id-droga twaqqaf ħesrem permezz ta’ operazzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet Maltin u l-pulizija ta’ Sqallija. Id-droga kienet interċettata qabel ma rifset f’Malta. Dan hekk kif il-vapur bid-droga nqabad fi Sqallija.

F’Diċembru, 2011 l-iskwadra ta’ kontra d-droga kienet mgħarrfa bil-pjanijiet tal-importazzjoni tad-droga. Hija kienet ġiet mgħarrfa wkoll li f’dan il-pjan kien hemm ħabsin imdaħħlin fosthom ħu l-akkużat Leli Camilleri, magħruf bħala “il-bully”.

Mill-investigazzjoni ħareġ li Leli Camilleri beda jitkellem ma’ nies mill-Olanda sabiex tiddaħħal l-kokaina u marijuana f’Malta bil-għan li tiġi ttraffikata. Leli kien qiegħed f’kuntatt ukoll ma’ Maltin biex jagħmel l-arranġamenti għall-ħlas.

Għall-importazzjoni tad-droga kien hemm organizzazzjoni kriminali sħiħa, madankollu membri fi ħdanha flimkien ma’ John Camilleri ġew arrestati qabel ma ntemm il-pjan tagħhom.

Tul l-investigazzjonijiet ħareġ ukoll li Leli kellem lil ħuh, John Camilleri, biex jgħinu jitrasferixxi xi flus lin-nies li kienu parti mill-organizzazzjoni kriminali.

Wara li l-Pulizija kienet ingħatat il-warrant mill-Minsitru għall-Intern, l-investigaturi interċettaw it-telefonati.  Madankollu l-Maġistrat Francesco Depasquale innota li t-traskrizzjonijiet ma wrew ebda rabta bejn dak li kien diskuss u l-akkużi b’rabta mat-traffikar tad-droga.

L-istqarrijiet li saru mill-akkużat waqt li kien taħt investigazzjoni ma setgħux jintużaw bħala evidenza kontrih għax ma kienx assistit minn avukat. Dan hekk kif fl-2010 kien iddaħħlet il-liġi li jekk l-akkużat ma jkunx assitit minn avukat, l-investigazzjoni ma tistax tintuża bħala evidenza kontrih.

Il-Maġistrat Depasquale qal li ma kienx hemm evidenza biżżejjed li turi l-involviment tal-akkużat u għaldaqstant illiberatu mill-akkużi.