Lokali
Offrielu lil martu biex ikollu x’jaqsam magħha flok iħallsu tal-ikel

Raġel ta’ 49 sena minn Birżebbuġa tqiegħed fuq ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li f’Diċembru tal-2018 seraq madwar €500 minn cash register minn ħanut tal-merċa f’Santa Venera.

Huwa tressaq il-qorti mixli b’serq aggravat, li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu, li kien qed iġorr arma ta-nar mhux liċenzjata u li għamel ħsara fi proprjetà ta’ terzi.

Il-każ seħħ fit-8 ta’ Diċembru ta’ tliet snin ilu, meta għall-ħabta tas-7.00 p.m. l-akkużat daħal fil-ħanut armat u talab lis-sid biex ma jiċċaqlaqx. Huwa ħataflu l-cash register u telaq jiġri biha b’kollox minn fuq il-post.

Fil-qorti ħareġ li din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat daħal f’dan il-ħanut. Dakinhar stess, huwa daħal darbtejn fil-ħanut, għażel bosta oġġetti u wara qal lis-sid li ma kellux flus biex iħallas il-kont.

Minflok, huwa offrielu lil martu u mara oħra biex ikollu x’jaqsam magħhom sesswalment. Madankollu s-sid ma laqax l-offerta għal darba tnejn u qallu biex joħorġlu ’l barra mill-ħanut.

Aktar tard matul il-jum, l-akkużat reġa’ mar fil-ħanut, din id-darba armat b’arma tan-nar u wara li żammu kontra r-rieda tiegħu, telaq minn fuq il-post bil-cash register.

Tul il-proċeduri, ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih b’uffiċjal tal-probation jgħid li llum ir-raġel sab impjieg stabbli u saħansitra qed jippjana li jiftaħ in-negozju tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan u peress li l-akkużi ma kinux jinvolvu piena ta’ aktar minn seba’ snin ħabs, l-akkużat tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.

Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit immultatu kważi €700 talli kien qiegħed iġorr arma tan-nar mhux liċenzjata f’post pubbliku u ordatlu jrodd il-flus li seraq lis-sid.