Lokali
Oħloq tbissima b’kontribut għall-missjonijiet fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qed tagħmel stedina lill-poplu biex fi tmiem din il-ġimgħa joħloq tbissima fuq fomm nies fi tliet pajjiżi fejn għandha missjonijiet: il-Perù, il-Pakistan u l-Filippini. Dan jista’ jsir b’kontribuzzjoni finanzjarja waqt il-maratona “Oħloq Tbissima” li tibqa’ għaddejja sal-Ħadd filgħaxija.

F’dar San Ġużepp f’Santa Venera ngħata bidu għal “Oħloq Tbissima” . . . maratona ta’ sittin siegħa xandir bla waqfien fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni.

Il-maratona qed tiġi organizzata għas-sittax-il sena u se tgħin il-ħidma mwettqwa mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini.

Fr Louis Mallia qal li l-missjunarji u l-volontiera jgħinu lill-persuni, b’mod partikolari tfal, li jkunu qattgħu ħajjithom f’kundizzjonijiet prekarji billi joffrulhom tama ta’ futur aħjar. Fost il-benefiċċjarji din is-sena, l-Isqof il-ġdid Giovanni Cefai li ngħata r-responsabilità għat-tmexxija tal-Knisja fi Huancane, il-Perù.

”Komunità ġdida qisu djoċesi ġdida ġo dan il-post remot, li huwa propju erbat elef metru fuq il-baħar li huwa post fqir… u huwa jrid jibda mix-xejn. Mill-ftit li se ntuh, mill-ġenerożità ta’ Maltin, se tkun għajnuna kbira għalih biex jibda tajjeb.”

Il-maratona tnediet uffiċjalment mill-President George Vella u l-Arċisqof Charles J Scicluna li qalu li t-twettieq fil-prattika tas-solidarjetà mal-proxxmu hi karatteristika unika tal-poplu Malti li m’għandux ikollha fruntieri. Raddew ħajr lill-missjunarji u lil dawk li jiddedikaw tant ħin għall-ħidma b’risq il-foqra.

Fl-inawgurazzjoni, il-President George Vella ipprattika l-professjoni medika meta assista cameraperson li waqa’ minn fuq podium u qasam rasu. Il-President assista sakemm wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Dalgħodu l-pulizija reġgħet bagħtet għall-eks chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Television Malta jinsab infurmat li dalgħodu l-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi reġgħet interrogat lis-Sur Schembri u tteħditlu wkoll stqarrija….

Politika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-folla li nġabret in-Naxxar fejn qal li ”xogħlna issa li nħarsu ‘l quddiem.” Huwa qal li jinsab kburi b’dan il-moviment u f’dan kollu ”l-aħna akbar…

Kultura

Kuxjenza ambjentali qed dejjem titqawwa. Xhieda ta’ dan hi l-inizjattiva li ħadu numru ta’ għaqdiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li din is-sena ddeċieda li jlibes il-libsa festiva lir-raħal…

Aktar