COVID-19
“Okkażjonijiet kbar bejn il-familji rridu nevitawhom dal-Milied ” – Il-Ministru Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li l-massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu barra huwa ta’ 6, u saħaq li dak li ma jistax isir barra m’għandux isir ġewwa fid-djar privati.

Meta kien qed jitkellem f’kollegament waqt TVAM, id-Deputat Prim Ministru sostna li dan il-Milied għandhom ikunu evitati l-okkażjonijiet fejn jiltaqgħu ħafna familji bejniethom fid-djar.

Mr Fearne qal li issa li dieħla x-xitwa n-numru ta’ infezzjonijiet qed jiżdied mal-Ewropa kollha, u l-indikazzjonijiet huma li fit-tliet xhur li ġejjin din ix-xejra se tkompli. Qal li din Malta ppreparat ruħha għaliha, iżda xorta waħda jista’ jkun hemm sitwazzjoni fejn ikollhom jitnaqqsu xi operazzjonjiet jew servizzi tas-saħħa.

Saħaq li kulħadd għandu jagħmel il-biċċa tiegħu biex tiġi kkontrollata l-imxija, u dan se jgħin biex ma tiżdiedx il-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa.

Żied li l-aqwa għodda kontra l-imxija huma l-osservanza tad-distanza soċjali u l-użu tal-maskri – li huma l-iktar effettivi meta wieħed jitkellem, għax hemmhekk għandu iktar ċans li jxerred il-virus.

Dwar il-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru qal li Malta se tkun mal-pajjiżi l-kbar li tirċievi l-vaċċin fl-istess jum li dan jasal fl-Ewropa.