Oliver Scicluna jieħu l-ġurament bħala Membru Parlamentari

Oliver Scicluna sar Membru Parlamentari wara li fis-seduta tal-lejla ħa l-ġurament ta’ lealtà lejn ir-Repubblika u lejn il-Kostituzzjoni.

Wara li ħa l-ġurament, f’diskors qasir, id-deputat Scicluna radd ħajr lill-Prim Ministru għall-fiduċja li wera fih u qal li fl-aħħar snin serva bħala Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità, u sostna li qeda dmiru b’lealtà lejn il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom mingħajr ma ħares lejn uċuh jew kuluri. Id-deputat Scicluna qal li bl-istess mod se jaqdi dmiru fil-Parlament u wera x-xewqa li jaħdem mad-deputati kollha.

Oliver Scicluna ġie co-opted fil-Parlament fuq proposta tal-Prim Ministru Robert Abela, li ġiet approvata unanimament mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista biex imtela l-post battal mill-eks deputat Gavin Gulia li kien elett f’elezzjoni każwali wara r-riżenja tal-Professur Edward Scicluna minn Ministru biex inħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali fil-bidu tas-sena.

Ara hawn parti mid-diskors tad-Deputat Scicluna: