Qorti
Omm akkużata b’serq minn fuq anzjani waqt li kienet ma’ binha ta’ 12-il sena

Mara ta’ 44 sena mill-Mosta baqgħet tinżamm arrestata wara li tressqet il-qorti akkużata fost oħrajn li flimkien ma’ binha ta’ tnax-il sena wettqet diversi serqiet – ħafna minnhom fuq anzjani.

Il-prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Josette Demicoli, il-mara u binha kienu jħabbtu lill-anzjani, jitolbuhom il-flus, fl-istess waqt li jisirquhom. Hija ġiet akkużata li bejn it-23 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju, waqt li kienet akkumpanjata minn binha, wettqet erba’ serqiet minn residenzi ta’ anzjani li għandhom bejn 72 u 87 sena. Is-serqiet seħħew kollha fil-Mosta u San Pawl il-Baħar. Hija akkużata wkoll li f’April li għadda serqet mobile phone. Anke f’dan il-każ hija kienet akkumpanjata minn binha.

Il-pulizija qed takkuża lill-mara li naqset milli tieħu ħsieb lil binha ta’ tnax-il sena meta kienet fid-dmir li tagħmel dan. Akkużataha wkoll li kissret il-kunidzzjoni li ma tagħmilx reat ieħor skont żewġ sentenzi oħra tal-qorti u saret riċediva.

Il-mara, li fil-qorti qalet li bħalissa mhijiex taħdem, wieġbet li mhijiex ħatja. L-avukat difensur talab li l-mara tingħata l-ħelsien mill-arrest. Argumenta li dan il-każ juri li s-soċjetà falliet għax fi kliemu l-Aġenzija Appoġġ m’għamlet xejn biex tindirizza l-problema li għandu t-tifel ta’ 12-il sena. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat fost oħrajn minħabba li l-allegati vittmi, ilkoll anzjani għadd iridu jixhdu.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.