Barranin
Omm Awstraljana tibża’ tmur lura f’pajjiżha għax żewġha jrid iżomm lil uliedhom Malta – rapporti

Omm ta’ żewġt itfal bniet mill-Awstralja tinsab imħassba u mbeżża’ li tmur lura pajjiżha minħabba li żewġha jrid iżomm lit-tfal Malta.

ABC news qed tirrapporta li ż-żewġt ibniet, li għandhom erbgħa u sitt snin, qed jgħixu f’Malta ma’ missierhom waqt li ommhom qed tipprova tieħu lil uliedha lura l-Awstralja.

Omm it-tfal, ġiet Malta ma’ żewġha fl-2019. Hija qalet li hi u żewġha kellhom problemi fiż-żwieġ u kkunsidraw li jiġu jgħixu f’art twelidu bil-pjan kien li jekk ma jirnexxix imorru lura l-Awstralja. Madankollu, skont żewġha, il-pjan kien li jiġu jgħixu Malta b’mod permanenti.

Il-ġurnal jirrapporta li fi tliet ġimgħat minn meta ġew Malta, ir-raġel qabbad avukat u bagħat nota lil martu li se jżomm lil uliedu Malta jekk hi tissepara minn miegħu.

Iż-żewġt itfal huma ċittadini Awstraljani u trabbew hemm. Min-naħa tagħha, l-omm għamlet applikazzjoni biex it-tfal jirritornaw lura l-Awstralja permezz tal-liġi internazzjonali. Bħalissa, hija għandha aċċess għal uliedha darba fil-ġimgħa. Hija qalet li qatt f’mitt sena ma immaġinat li hi u wliedha se jispiċċaw f’din il-pożizzjoni.  Qalet li wara li rċeviet l-ittra, ħassietha skomda tgħix ma’ żewġha u telqet waqt li t-tfal baqgħu jgħixu miegħu. Żewġha qal li martu telqet mid-dar matrimonjali mingħajr ma provat issalva ż-żwieġ.