Qorti
Omm immultata talli ma ħallietx lil binha jara lil missieru għax beżgħet mill-Covid

Mara li ġiet immultata talli ma ħaditx lit-tifel biex jara lil missieru kellha l-appell miċħud wara li l-imħallef ikkonkluda li r-raġuni li tat, dik li għax omm ir-raġel marret il-Portugall u kienet fi kwarantina, ma kinitx raġuni valida biżżejjed.

Il-mara tressqet fil-Qorti fejn ġiet mixlija li tliet okkażjonijet matu is-sena li għaddiet naqset li tagħti lil missier binha aċċess għat-tifel.

Hija kienet immultata total ta’ €315 wara li nsabet ħatja li f’ħames ġranet separati ma ħallietx lil missier binha jaraw.

Il-mara appellat fejn insistiet li għamlet hekk għax saret taf li omm ir-raġel kienet għadha kemm siefret il-Portugal u ma riditx lit-tifel ikun espost għall-Covid.

Il-missier irribatta billi qal li huwa ma jgħix ma’ ommu u la hu u la ibnu ma kien f’kuntatt magħha.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat l-Imħallef Giovanni Grixti rrimarka li huwa minnu li f’dak iż-żmien kien hemm ħafna inċertezza dwar il-Covid imma hi m’għamlet xejn biex taċċerta ruħha li kien hemm xi periklu għal binha meta hi stess kienet qed tara lis-sieħeb tagħha li jgħix mal-ġenituri tiegħu u lill-ġenituri tagħha li jgħixu għal rashom.

Huwa żied li lanqas ma jirriżulta li staqsiet xi prekawzjonijiet kienu se jittieħdu sabiex binha ma jkunx espost għall-mara.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Grixti ċaħad l-appell tagħha u kkonferma l-ħtija kif misjuba mill-Qorti tal-Maġistrati.