X

Omm Liam Debono kienet tagħtih id-droga ta’ 9 snin biex joqgħod kwiet – spettur

Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Liam Debono li qed ikun akkużat li kważi qatel lill-Pulizija Simon Schembri, il-Qorti semgħat kif il-ġuvni ilu jabbuża mid-droga mindu kellu 9 snin.

L-Ispettur Malcolm Bondin xehed fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, u qal li meta Debono nstab mill-Pulizija tal-RIU wara l-inċident li seħħ f’Mejju li għadda f’Ħal-Luqa, instabu xi affarijiet fil-karozza li huma suspettati li kienu droga.

Qal li Debono ammetta li kienet ħaxixa tal-kannabis u li kienet tiegħu, filwaqt li qalilhom li kien ipejjep bejn 3 u 4 grammi kuljum mindu kellu 9 snin għax kienet tagħtihielu ommu biex iżommu kwiet.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li Debono kien hedded Pulizija meta kien ġie arrestat f’każ separat, wara li twaqqaf milli jkompli jsuq rota li la kellha brejkijiet u lanqas pedali.

L-avukat Amadeus Cachia talab għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ hekk kif il-persuni kollha xehdu fil-Qorti u qal li m’għadx hemm ċans ta’ tkun imbagħbsa l-evidenza u lanqas jista’ jaħrab minn Malta.

Minkejja dan, il-Maġistrat Mifsud ma laqax it-talba tad-difiża meta qies kemm huwa serju r-reat fost affarijiet oħra, inkluż li jista’ jeħel 40 sena ħabs u għalhekk hemm ir-riskju li jista’ jaħrab minn Malta.