Qasam soċjali
“Aħna kellna tifel mitluf u reġa’ nstab”

Omm li kienet kważi tilfet lil binha minħabba x-xorb tistqarr li qed tgħix il-parabbola tal-iben il-ħali.

Hija reġgħet sabitu grazzi għall-għajnuna li sab mill-Aġenzija Sedqa fiċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Komunità Santa Marija.

L-omm qasmet l-esperjenza tagħha mal-President George Vella fi żjara li għamel fiċ-ċentru mmexxi mill-Aġenzija Sedqa li tgħin lil persuni li għaddejjin minn xi vizzju biex ibiddlu ħajjithom u jgħixu ħajja aktar f’saħħithom.

“Aħna kellna tifel mitluf li llum reġa’ nstab”.

Din hi omm ta’ wieħed mir-residenti fil-Komunità Sant Marija, iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni mmexxi mill-Aġenzija Sedqa f’Ħal Farruġ.

L-omm irrakkontat kif din hija t-tieni darba li binha qed jagħmel il-programm minħabba l-problema tax-xorb.

“Wara li ħareġ mill-ewwel programm kellu ‘relapse’ qawwi. Kien żmien ħafna diffiċli kemm għalih u kemm għalina”.

L-omm tkellmet dwar kemm kienet iebsa biex tikkomunika ma’ binha li fl-aħħar 16-il sena kien dejjem ikellimha taħt l-effett tax-xorb.

Hija qalet li dan wassal biex qata’ l-kuntatt mhux biss mal-ġenituri tiegħu imma anke ma’ ħutu . . . sakemm is-sena li għaddiet wasal f’punt li hu stess għaraf li ma jistax jibqa’ jgħix hekk u reġa’ fittex l-għajnuna.

“Fejn aħna qabel qatt ma stajna npoġġu bilqiegħda miegħu. Kien jgħidli jien m’inhix parti mill-familja, jien m’inhix parti mill-familja. Dik kienet tweġgħani wisq! U ġejna hawnhekk u narawh wiċċu sabiħ, il-ġilda tiegħu mnaddfa mix-xorb li kien ikollu. Tista’ taħseb, dak iż-żmien kien Dr Grech, kien jgħidli li dak wasal f’punt li jekk ma jixrobx ġismu ma jistax jiffunzjona”.

Illum binha qed iqatta’ xi jiem mal-familja li qed tagħmel it-terapija tal-familja li tipprovdi l-Aġenzija Sedqa u bil-mod il-mod reġa’ qed jibni r-relazzjoni mal-ġenituri u ħutu li kien tilef minħabba x-xorb.

Din l-omm qasmet l-esperjenza tagħha waqt żjara li l-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella għamlu f’din il-komunità fejn missier ta’ erbat itfal li għamel il-programm erba’ darbiet.

Huwa stqarr li qabel reġa’ daħal fil-komunità kien qed iħossu ħażin, fallut u bla skop għall-ħajja u kien anke ħaseb li jtemm ħajtu.

“Ħafna dwejjaq li ta’ 40 sena rrid nerġa’ nidħol programm ‘il bogħod mill-familja u t-tfal. Inħares madwari u nara li qisu f’ħajti spiċċa kollox u rrid nerġa’ nibda kollox mill-bidu. Kif dħalt hawn bdejt inħossni aħjar u milqugħ. Bdejt inħossni li nista’ nibni relazzjonijiet ġodda man-nies ta’ hawn ġew li għenuni nerġa’ nsib saqajja”.

Ir-raġel, li llum ħareġ miċ-ċentru, stqarr li bl-appoġġ tal-komunità qed iħares b’mod differenti lejn il-ħajja u aċċetta l-passat tiegħu. Illum reġa’ bena relazzjoni mal-familja tiegħu u anke mill-aspett ta’ xogħol.

Il-President Vella ngħaqad mar-residenti għall-ikla ta’ filgħaxija. Huwa fakkar lir-residenti li waqt li fiċ-ċentru jsibu l-għajnuna meħtieġa fis-sitwazzjoni tagħhom, jiddependi għalkollox minnhom infushom biex jirnexxu.

“Intkom ‘once’ li tkunu ddeċidejtu li għandkom bżonn l-għajnuna, dik hija l-iktar ħaġa importanti għax imbagħad kif tafu hawn il-professjonisti, hawn min kapaċi jdur bikom u jgħinukom ħalli tiġu iktar qrib dak li tixtiequ intom ‘il bogħod mid-drawwiet tagħkom”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, rrimarka li ż-żjara tal-President fil-Komunità Santa Marija ssaħħaħ mhux biss il-ħidma tal-professjonisti imma tagħti kuraġġ lir-residenti biex ikomplu fit-triq tajba li qabdu.