Edukazzjoni
AĠĠORNAT: Omm tikkundanna l-mod kif LSE trattat lil binha bl-awtiżmu

Sefora Tabone, omm li binha għandu l-awtiżmu, ikkundannat il-mod kif LSE partikolari trattat lil binha Diego, fejn allegatament bdiet tgħajjat miegħu u tpoġġi subgħajha ma’ wiċċu.

Fil-filmat li tellgħet fuq Facebook, is-Sinjura Tabone qalet li kienet wasslet lil binha għall-Breakfast Club, meta waqfet tkellem lil LSE li taħdem ma’ binha matul il-jum.

Qalet li f’ħin bla waqt semgħet ħafna għajjat ġej mill-klassi, u rat lil binha bilqiegħda fuq siġġu b’nifsu maqtugħ, iwaddab l-affarijiet mal-art. L-omm qalet li l-LSE dak il-ħin bdiet tgħajjat miegħu b’subgħajha ma’ wiċċu.

Kompliet tgħid li meta ġibdet l-attenzjoni tal-LSE għall-atteġjament tagħha, ppruvat twaqqagħha għaż-żufjett u qaltilha li m’għandhiex esperjenza daqsha. Wara dan l-episodju l-omm għamlet ilment mal-Kap tal-Iskola.

Jidher li ċ-ċirasa fuq il-kejk għal din l-omm kienet meta marret lura l-iskola llum u sabet siġġu fil-kuritur b’tabella li l-ġenituri ma jistgħux jidħlu iktar ‘il ġewwa. Qalet li kull filgħodu twassal lil binha fil-klassi hi, u li ma tagħmillux ġid li tibdillu r-rutina f’daqqa.

Aġġornat: Reazzjonijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-MUT

Dwar dan il-każ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-Kap tal-Iskola ltaqa’ mal-ġenitur f’żewġ okkażjonijiet biex jassisti b’kull mod possibli.

Qal li f’każi fejn il-ġenituri jkolhom bżonn xi tip ta’ għajnuna, għandhom jitkellmu mal-Kap tal-Iskola jew mal-Prinċipal tal-Kulleġġ li jinsabu disponibbli biex jagħtu l-assistenza tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

Min-naħa tagħha, l-MUT qalet li wara diskussjoni ma’ din l-LSE, l-MUT tiċħad li kien hemm trattament ħażin li seta’ kien ‘il barra mill-parametri tax-xogħol. Qalet li l-LSE aġixxiet b’mod professjonali fl-interess tal-istudenti, f’ċirkostanza fejn it-tifel seta’ weġġa’ lil ħaddiehor inkluż lill-LSE jew lilu nnifsu.

L-MUT appellat għal dik li sejħet aktar responsabbiltà, biex professjonisti ma jispiċċawx iħossuhom skomdi jaħdmu ma’ ċertu tfal, għax jafu li kull ħaġa li tiġri lit-tifel jew tifla ser tiġi mxandra fil-midja soċjali.

Sadanittant, fi stqarrija oħra, il-Moviment Patrijotti Maltin qal li għandhom jitpoġġew kameras fil-klassijiet li ma jsirx monitoraġġ tagħhom, iżda li l-filmati jintwerew fuq talba tal-ġenitur, tal-għalliem jew tal-Pulizija.