Qorti
Omm u binha jeħlu l-ħabs wara li l-kelb tagħhom gidem tifel f’Bormla

Omm u binha kienu kkundannati ħmistax-il jum ħabs kull wieħed wara li l-kelb tagħhom gidem tifel ta’ 14-il sena u weġġgħu gravi.

Il-każ seħħ f’Awwissu tas-sena l-oħra f’Bormla, meta kmieni filgħodu t-tifel kien qiegħed ma’ missieru biex jiftħu l-ħanut tal-ħelu tagħhom. Jgħid li f’ħin bla waqt ra kelb ġej jiġri lejh fit-triq, li l-ewwel ħataflu sieq, imbagħad ħataflu l-oħra.

It-tifel irrakkonta li waqa’ mal-art u beda jgħajjat lill-missieru. Qabel intilef minn sensih, jiftakar li fuq il-post ġiet ukoll mara. Il-ġrieħi tat-tifel kienu ċċertifikati bħala gravi, tant li se jibqa’ mmarkat għal għomru.

Marjan Lee Pantalleresco ta’ 21 sena u ommu Frances Pantalleresco ta’ 64 sena kienu akkużati li bi traskuraġni kkaġunaw il-ġrieħi fuq dan it-tifel meta ħallew il-kelb tagħhom tar-razza American Pit Bull jiġri barra bla ċinga.

Marjan Lee qal li dakinhar kien daħal id-dar fis-6.00am u mar jorqod, u għalkemm jiftakar li ommu ppruvat tgħidlu xi ħaġa, ma tax kas għax kien għajjien. Qal li l-kelb kien mans u qatt ma gidem lil ħadd, tant li anki ma’ bintu kien iħallih jorqod.

Min-naħa tagħha l-omm qalet li l-kelb kien jinbaħ biex joħroġ jagħmel il-bżonnijiet tiegħu, u dakinhar kien ħarbilha meta fetħet il-bieb.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, m’emmnitx li l-kelb kien ħarab, iżda li kienet l-intenzjoni tal-akkużata li tħallih joħroġ barra waħdu. Qalet li anki jekk stess il-kelb tassew ħarbilha, kien nuqqas tagħha li ma libbsitlux iċ-ċinga qabel ma fetħet il-bieb. Il-Qorti ikkummentat ukoll fuq in-nuqqas ta’ interess li wera sid il-kelb meta ommu ppruvat tgħidlu x’ġara.

Il-Qorti qalet li trid tibgħat messaġġ ċar li min irabbi kelb irid ikun responsabbli għal għemilu f’kull ħin, u li l-piena għandha tirrifletti t-tbatija li sofra u se jibqa’ jsofri t-tifel.

Rigward il-kelb, il-Qorti ordnat li minflok jitraqqad, dan jinżamm mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, u ma jerġa’ jingħata qatt lill-imputati jew lil persuni oħra.

Ara wkoll:

Tifel operat wara li attakkah kelb f’Bormla

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

L-Erbgħa filgħodu, fl-iskola sekondarja tar-Rabat Għawdex, tliet studenti subien kellhom jittieħdu l-isptar minħabba li belgħu xi pilloli tal-irqad. Qal dan fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni, fejn qal li kienu l-istudenti stess…

Ekonomija u Finanzi

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża proponiet numru ta’ miżuri kif fil-fehma tagħha l-ekonomija Maltija tista’ tkompli tikber b’mod sostenibbli b’rispett lejn l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Ir-rakkomandazzjonijiet inġabru f’dokument li joffri…

Mużika

Songcraft, proġett li jifforma parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni ma’ Aġenżija Żgħażagħ reġa’ lura wara l-proġett pilota fl-2019 fejn ta opportunità lil kantawturi promettenti ta’ bejn is-16 u l-20 sena. Il-kantawturi magħżula…

Qorti

Issoktat l-inkjesta pubblika fil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia li qed tistħarreġ jekk il-Gvern setgħax jieħu miżuri biex jevita dan il-qtil. Fis-seduta tal-lum mistenni jixhed Neville Gafa. L-ewwel biex jitla’ fuq…

Aktar