Lokali
Omm u binha mixlija li ħebbew għal warden f’San Pawl il-Baħar

Helen Spiteri ta’ 66 sena u binha Charlot Spiteri ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew mixlija li llbieraħ ħebbew u heddu gwardjan lokali f’San Pawl il-Baħar.

Huma ġew mixlija wkoll li weġġgħu ħafif lill-uffiċjal pubbliku u li kisru l-paċi pubblika.

L-Isptettur Rayn Vella xehed li l-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10.45 a.m. fi Triq San Franġisk meta nqala’ argument bejn l-uffiċjal tal-LESA u l-akkużati. L-omm u binha ġew arrestati u mitkellma mill-pulizija.

Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500 kull wieħed. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wissiethom ukoll biex ma javviċinaw bl-ebda mod lill-uffiċjal tal-LESA u ma jsiefrux.