Kostruzzjoni
Ommha mietet mirduma u ilha 16-il sena tistenna ġustizzja

Sittax-il sena wara traġedja li tixbah ħafna lil dik ta’ bħal-lum ġimgħa fil-Ħamrun, għadhom miftuħa l-proċeduri fl-appell ta’ żewġt’ irġiel li nstabu ħatja ta’ qtil involontarju ta’ żewġ nisa li mietu mirduma fi traġedja li seħħet f’Ġunju 2004 f’San Pawl il-Baħar.

TVM tkellem ma’ bint waħda mill-vittmi li stqarret li d-dewmien fil-qorti kissirhom mentalment.

Żewġ persuni kienu ntradmu ħajjin f’appartament f’San Pawl il-Baħar fejn kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni, u sal-lum il-qraba għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja. Il-ġrajjiet tal-aħħar xhur u l-aktar ta’ bħal lum ġimgħa, jkomplu jiftħu l-ferita fost oħrajn fuq Diane Mule Stagno.

“Nista’ nifhem eżatt minn xiex għaddej ir-raġel ta’ Miriam Pace u t-tfal. U minn xiex iridu jgħaddu. Hu proċess ta’ tbatija kbira.”

Is-Sinjura Mule Stagno hija bint Mary Zarb. Fit-3 ta’ Ġunju 2004, ommha kienet qed tagħti lezzjoni tal-Malti lil studenta Russa: Nadya Vavilova fl-appartament tagħha fi Triq Ramon Perellos f’San Pawl il-Baħar. Ħabta u sabta l-bini ċeda u ż-żewġ nisa ntradmu ħajjin.

Diane rrakkuntat li dakinhar filgħodu bintha, li kellha sentejn u nofs, kienet għand ommha. Tiftakar ċar li kif spiċċat mill-iskola fejn tgħallem, ġabret lit-tifla, u ftit wara ġara dak li biddlilha ħajjitha ta’ taħt fuq.

“Parti minni mietet. Ma bqajtx il-persuna li kont. Kelli ninbidel bilfors. Support ma kellix aktar, għax kif għedt diġà il-mami kienet teħodli ħsieb it-tifla hi u l-ħolm kollu li kelli jieqaf, kelli nwarrbu.”

Kif jidher fil-filmat, is-sit fejn seħħet it-traġedja 16-il sena ilu, baqa’ kif kien, għajr li ttella’ ħajt biex jingħalaq l-aċċess mit-triq għal ġewwa. Ħames snin wara, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, kienet sabet lill-kuntrattur u ħaddiem ħatja tal-qtil involontarju taż-żewġ persuni. F’sentenza ta’ aktar minn tmenin paġna, il-Qorti għamlet għaxar rakkomandazzjonijet biex każi bħal dawn ma jerġgħux isiru. Kien għalhekk li l-inċidenti tal-aħħar xhur qanqlu sens ta’ rabja f’Diane, għax il-mewt ta’ ommha ma swiet għal xejn.

“Jien it-tama tiegħi kienet li wara dak li ġara lilna u wara li l-Maġistrat qatgħet is-sentenza kriminali fejn għamlet ħafna rakkomandazzjonijiet biex ma jerġax jiġri dak li ġara, ma stajtx nemmen li qed jerġgħu jiġru.”

Il-kuntrattur u l-ħaddiem li kienu nstabu ħatja ta’ dan l-inċident, bejniethom kienu ġew ikkundannati erba’ snin u nofs ħabs. Iżda kienu appellaw mis-sentenza u minħabba proċeduri oħra fil-Qorti, l-appell għadu mhux deċiż.

“Kieku kelli nitkellem mal-Qorti li ngħidilhom huwa ‘please għinu lill-vittmi, lil min qed jgħaddi minn l-esperjenzi kefrin hekk biex ma jdumux il-kawżi. dewmien żejjed mentalment ikissirna.'”

Stqarret li għalkemm ħadd u xejn mhu se jġib lil ommha lura, il-ħtieġa li każ jingħalaq jgħin biex persuna tagħlaq il-kapitlu.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

It-tabib tal-emerġenza, Michael Spiteri esprima d-diżżapunt tiegħu fuq il-media soċjali għall-fatt li lbieraħ filgħaxija partitarji tal-Floriana inġabru f’attività tal-massa fuq il-Fosos, sabiex jiċċelebraw id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li vvutaw…

COVID-19

Il-Coronavirus qed jolqot sew l-Amerka Ċentrali li saret l-epiċentru tal-pandemija. Fi Gwatemala, żewġ saċerdoti missjunarji Għawdxin qalu li fl-aħħar ġimgħat, il-faqar kompla jgħolli rasu b’saħanisitra familji qed itajru bandiera bajda…

COVID-19

Sidien ta’ ristoranti li fetħu fi tmiem il-ġimgħa wara aktar minn xahrejn magħluqa qalu lil TVM li minkejja li kien bidu kwiet, iħossuhom pożittivi għaliex il-klijenti qed juru sinjali ta’…

Aktar