Stejjer Umani
‘Ommi l-ħabs u missieri miet b’overdose imma llum jien ħieles mid-droga’

Meta kien tifel, ommu kellha problema tad-droga, u missieru miet b’doża qawwija tad-droga. Minbarra li rabba lil ħutu, f’żgħożitu anki weħel il-ħabs. Illum li ilu kważi erba’ snin ħieles mid-droga, Ryan Vella, għamel kanzunetta spontanja biex jagħti kuraġġ lil min dieħel għal programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga.

Bi tbissima mistħija fuq wiċċu, Ryan Vella qal li waqt il-Covid 19 minħabba li ma baqgħux jiddaħħlu iktar nies għall-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, għamel kanzunetta biex jagħtihom kuraġġ u jibqgħu ddeterminati li jbiddlu ħajjithom. Fil-kanzunetta, Ryan jsemmi t-trobbija diffiċli li kellu fosthom li ommu kienet tbiegħ id-droga, missieru miet b’overdose u minħabba f’hekk spiċċa mhux talli ma kellux min jieħu ħsiebu, imma kellu jrabbi lil ħutu iżgħar minnu.

“Kont insajjar lil ħuti, qattajt ħafna ħin magħhom id-dar minn 13 sa 17 dejjem magħhom u noħroġhom.”

Ryan Vella għamel żewġ programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga u issa ilu kważi erba’ snin ħieles mid-droga. Qal li jrid bil-messaġġ tiegħu jrid ikun ta ispirazzjoni għal min jinsab fl-istess ilma li kien huwa qabel għamel il-programm.

“Iktar milli lil dawk li deħlin lill-programm iktar rrid nagħti kuraġġ lil dawk li għadhom ma ddeċidewx, biex għamiltha jien jasal kulħadd.”

Ryan qalilna li wieħed irid jaċċetta li għandu problema u minn hemm jibda l-proċess tal-fejqan.

“Tagħmlux bħali jien ħlejt disa’ snin qabel iddeċidejt u kienu l-isbaħ snin ta’ ħajti minn 20 sa 30”.

Ryan Vella wissa’ li d-droga tisraqlek ħajtek u tkisser mhux biss lilek u lil ta’ madwarek.