Ommijiet li jirreġistraw lil uliedhom taħt ġenitur wieħed għandhom jieħdu benefiċċji?

Wara informazzjoni li ħareġ il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, fuq mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, ġie indikat li f’Malta u Għawdex hawn ftit aktar minn 5,400 mara mhux miżżewġa li għandhom mill-inqas wild wieħed u li għalhekk jieħdu l-allowance tat-tfal. Din il-Mistoqsija Parlamentari ġabet bosta reazzjonijiet. Il-programm Popolin segwa b’diskussjoni numru ta’ argumenti fuq il-midja soċjali.

Fost dawk li tkellmu fil-programm kien hemm Denise Farrugia, Kap tal-Aġenzija għall-Komunità u s-servizzi terapewtiċi. Farrugia saħqet li jeżistu ħafna ġenituri li jrabbu lil uliedhom waħedhom u li ma huma tal-ebda piż fuq is-soċjetà. “Inħoss li qegħdin nippreġudikaw il-ġenituri waħedhom bħala problema fis-soċjetà. Nemmen li dawk li ma jridux jaħdmu, xorta għandna nsibu mod kif ninċentivawhom u nappoġġjawhom biex jaqilgħu l-għixien u jkabbru l-ħiliet tagħhom”.

Tkellem ukoll l-opinjonista Malcolm Seychell li tenna li l-mentalità tal-pajjiż inbidlet u l-preġudizzju fil-konfront ta’ min irabbi lil uliedu waħdu naqas drastikament. Biss wieħed għandu janalizza kull każ individwalment għaliex għad jeżistu każijiet ta’ abbuż. Seychell tah l-eżempju ta’ persuna li jkollu jew ikollha għaxart itfal minn għaxar partners differenti, qal li din it-tip ta’ ħajja m’għandiex iservi ta’ eżempju għas-soċjetà u li min jagħżel din il-ħajja m’għandux jippretendi li jgħix minn fuq it-taxxi tal-poplu. Minn naħa l-oħra saħaq li jeżistu każijiet ġenwini fejn persuna f’relazzjoni stabbli, jkollha t-tfal biss wara xi snin iħassru. Każijiet ġenwini bħal dawn għandhom jingħataw l-għajnuniet kollha li għandhom bżonn speċjalment dawk li juru interess li jsostnu ruħhom.

Seychell tenna li min qed juri biċ-ċar li mhuwiex lest jaħdem m’għandux jiġi s-sussidjat minn flus il-poplu; “Iva, l-Istat għandu joħloq opportunitajiet varji biex tkun iktar faċli għall-ġenitur biex jidħol fid-dinja tax-xogħol waqt li qiegħed irabbi, biss mhux sew li min ma jridx jaħdem jaħseb li għandu xi forma ta’ dritt li l-pajjiż imantni lilu jew lil uliedu”.