Eurovision
“Onorota li l-PBS afdaw fija… ħerqana biex nirrappreżentakom”

Se tkun Destiny li s-sena d-dieħla se tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest. Dan ġie kkonfermat mill-Public Broadcasting Services f’aħbar iktar kmieni llum; fl-istess ġurnata meta kellu jsir il-finali tal-festival, f’Rotterdam, l-Olanda.

Minkejja li llum ma telgħetx fuq il-palk tal-finali tal-Eurovision wara li l-festival tħassar, il-ħolma tal-kantanta żagħżugħa Destiny se tibqa ħajja, u s-sena d-dieħla se tkun hi li tirrapreżenta lil Malta fl-Olanda.

“Inħossni kuntenta ħafna u onorata li l-PBS afdaw fija biex nirraprezżenta lil Malta s-sena d-dieħla fil-Eurovision,” qaltilna Destiny.

“Ħdimt ħafna għaliha, bdejt b’X Factor, irbaħtu, ħdimt fuq il-kanzunetta u l-music video u ġew ħafna għal qalbi. Lesta nagħmel minn kollox u ngħati l-full commitment tiegħi biex noħorġu prodott aħjar milli diġà kellna. Ħerqana biex nirrapreżentakom u ħerqana biex ikollna kanzunetta oħra, u nispera li nagħmilkom kburin.”

Dawn kienu l-kummenti li Destiny tat lil TVM eżatt wara li rċeviet l-aħbar mill-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Charles Dalli, li nformaha bid-deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tal-PBS.

Minkejja li fl-aħħar jiem il-kanzunetta li biha Destiny kellha tirrapreżenta lil Malta f’Rotterdam, “All of my Love”, ikklassifat fit-tieni post fl-Iżvezja u fl-Irlanda hija u l-filmat tad-diska ġie vvutat bħala l-aħjar wieħed fuq is-sit Wiwiblogs, skont l-aħħar deċiżjonijiet tal-EBU, il-kantanti jridu jipparteċipaw b’diska ġdida, u għalhekk sena oħra Destiny mhux se tikkompeti bil-kanzunetta ‘All of my love’.

Intant, illejla fid-9.00pm Television Malta, flimkien mal-istazzjonijiet televiżivi membri tal-EBU, se jkun qed ixandar spettaklu bil-parteċipazzjoni tal-kantanti li kellhom jieħdu sehem din is-sena, l-ispettaklu “Shine a Light”, ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà b’messaġġ qawwi ta’ tama u kuraġġ fiż-żmenijiet ta’ pandemija.

Ara wkoll:

ESKLUSSIVA: Destiny se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision tal-2021