Lokali
‘Opera vs Pop Under the Stars’ – it-13-il edizzjoni dalwaqt

Għat-13-il darba konsekuttiva, il-Gozo Youth Orchestra se terġa’ tippreżenta l-ispettaklu mużikali ‘Opera vs Pop Under the Stars’. Spettaklu, li se jsir nhar it-Tnejn 2 ta’ Awwissu fit-8.30pm fil-Bitħa tal-Ministeru għal Għawdex fir-Rabat Għawdex.

‘Opera vs Pop Under the Stars’ se jsir taħt id-direzzjoni tal-Fundatur u Direttur tagħha Mro Dr Joseph Grech, u qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta.

Matul dan il-kunċert annwali se jieħdu sehem is-Sopran Nicola Said, il-Baxx Noel Galea u l-kantanti Ludwig Galea, Francesco Nicodeme u Sarah Bonnici.

Fl-ewwel parti tal-programm se jindaqqu għadd ta’ siltiet minn opri magħrufa flimkien ma’ mużika klassika, filwaqt li wara l-intervall l-orkestra għandha mħejji arranġamenti mużikali pop flimkien ma’ siltiet minn films u musicals. Se jkunu preżenti, fost l-oħrajn, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u ċ-Charge d’Affairs tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta Ms Gwendolyn ‘Wendy’ Green.

Il-Gozo Youth Wind Band & Orchestra twaqqfet fl-2002 u tikkonsisti f’żewġ gruppi separati ta’ mużiċisti żgħażagħ.

Biex tikseb il-biljetti tista’ tibgħat email fuq [email protected], jew tista’ ċċempel fuq 99421611 jew fuq 79421611.

Il-protokolli tas-saħħa meħtieġa biex jittella’ dan il-kunċert se jiġu kollha mħarsa.