Lokali
Operat l-ewwel Malti bir-robot f’Mater Dei biex tneħħielu kanċer fil-prostata

Fl-Isptar Mater Dei saret l-ewwel operazzjoni bis-sistema tar-robotika għal pazjenti b’kanċer fil-prostata, li qabel kienu jintbagħtu barra minn Malta għal dan it-tip ta’ intervent.

Xahrejn wara li ġie operat, Glen Falzon iltaqa’ ma’ Mario Bilocca, l-ewwel pazjent f’Malta li għamel din l-operazzjoni li stqarr li llum bis-saħħa tal-kirurgi u r-robot qed jgħix ħajtu bl-iktar mod seren.

It-Tlieta, 25 ta’ Mejju. Il-kirurgi fl-Isptar Mater Dei jħejju r-robot biex għall-ewwel darba f’Malta jneħħu kanċer mill-prostata b’sistema robotika.

Il-prostata tinsab f’post delikat fil-ġisem. Minn ħdejha, jgħaddu nervituri li ma tistax issirilhom ħsara. Ir-robot hu għodda importanti għall-kirurgi biex jagħmlu din l-operazzjoni b’iktar reqqa. B’kuntrast mal-operazzjoni tradizzjonali, minflok issir qasma kbira fil-ġisem, jiġu identifikati erba’ postijiet madwar iż-żaqq, isiru feriti żgħar fihom u minnhom, jidħlu l-istrumenti tar-robot biex isir l-intervent.

L-operazzjoni damet tliet sigħat. L-ewwel pazjent li għadda minn dan l-intervent innovattiv f’Malta huwa Mario Bilocca ta’ 64 sena.

“Bir-robot after 8 weeks. Ready. Noħroġ. Immur il-baħar. Living a normal life”, qalilna s-Sur Bilocca.

Jumejn wara l-operazzjoni, Mario Bilocca ntbagħat id-dar.

“L-operazzjoni l-antika kien ikollok qasma daqs hekk. Waħda. Tnejn. Tlieta. Dan hu r-riżultat tal-operazzjoni l-ġdida.”

Mario Bilocca skopra li għandu kanċer fil-prostata ħames snin ilu.L-aħbar fixlitu.

“Qisu bniedem qatagħlek saqajk barra. Tant hu hekk li kif kont ħiereġ mill-isptar . . . skużawni . . . minflok ġbidt lejn in-naħa tal-parking, ġbidt lejn in-naħa l-oħra tal-isptar.”

Li kieku ma kinitx l-operazzjoni bir-robot, Mario Bilocca kien ikollu jmur ir-Renju Unit biex ineħħi l-kanċer. It-teknoloġija iżda frankatlu dan l-iskariġġ . . . u iktar.

“Hawn Malta se tkun imdawwar bil-familja tiegħek . . . kif kont jien.”

Il-pjan hu li r-robotika tibda tintuża waqt operazzjonijiet f’partijiet oħrajn tal-ġisem fosthom fil-fwied u l-widnejn.