Saħħa
Operazzjonijiet jitħassru minħabba azzjoni industrijali dwar l-ikel offrut lill-infermiera

Ġimagħtejn mindu l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel bdiet azzjonijiet industrijali fl-Isptar Mater Dei minħabba l-kwalità tal-ikel offrut mil-canteen lill-membri tagħha, TVM huwa infurmat li fl-aħħar ġimgħa kellhom jitħassru 10 operazzjonijiet minħabba dawn l-azzjonijiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Ivan Falzon, indika li l-azzjonijiet industrijali ma ġewx segwiti mill-infermiera u l-qwiebel kollha għax fil-maġġoranza komplew jaqdu dmirhom u poġġew lill-pazjenti fiċ-ċentru ta’ ħidmiethom.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace waqt li ddefenda l-azzjonijiet, qal li l-infermiera m’għandhomx biss il-kwistjoni tal-ikel, iżda wkoll in-nuqqas ta’ infermiera fis-servizz tas-saħħa.

Ilhom ikarkru ġimagħtejn l-azzjonijiet industrijali ordnati mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel minħabba li l-membri tagħha qed jilmentaw fost oħrajn dwar il-kwalità tal-ikel ipprovdut fl-Isptar. Il-President tal-MUMN, Paul Pace, argumenta li l-ikel ipprovdut mhux tajjeb għas-saħħa.

”Mhu vera xejn healthy eating għax kollox deep-fried. Kollox moqli u jgħidulek lanqas jittiekel.”

In-Nutar Cory Greenland, li jgħallem ir-relazzjonijiet industrijali fl-Università, qal li għalkemm it-tip ta’ azzjonijiet huma fid-diskrezzjoni tal-union, iħoss li jkun iktar ġust li l-union tikkonvinċi t-tmexxija tal-isptar, iktar milli taffettwa lill-pazjenti bl-azzjonijiet tagħha.

”F’dan il-każ jidher li qed ibatu l-pazjenti. Wieħed forsi jikkunsidra azzjonijiet li ma jolqtux daqshekk direttament fiċ-ċirkustanza.”

TVM huwa infurmat li minħabba dawn l-azzjonijiet tħassru 10 operazzjonijiet. Mistoqsi dwar din is-sitwazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Ivan Falzon, qal li dawn id-direttivi joħolqu pressjoni bla ħtieġa fuq is-servizz tas-saħħa li f’ċerti każijiet tista’ twassal għal dewmien fit-trattament b’riskju għall-pazjenti.

Is-Sur Falzon indika li d-direttivi ma ġewx segwiti mill-infermiera kollha u qal li dawn l-azzjonijiet ġabu kritika inġusta fil-konfront tal-infermiera li qal fil-maġġoranza assoluta komplew jaqdu dmirhom mal-pazjenti.

Il-President tal-MUMN qal li lil hinn mill-kwistjoni tal-ikel, is-sitwazzjoni tal-infermiera mhix kif jaħsbu wħud.

In-nies iridu jifhmu hemm barra li n-nurses qed jaħdmu b’nofs il-compliment ta’ kif suppost jiġifieri jekk mhux se nindirizzaw dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-poplu se jbati ħafna iktar għax ikun hemm ċerti servizzi li ma jinfetħux.

Is-Sur Pace qal li kull ġimgħa qed jispiċċaw 3 infermiera mill-isptar. Żied jgħid li d-diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Saħħa se jissuktaw il-Ġimgħa u jekk ma jintlaħaqx qbil, l-MUMN lesta testendi d-direttivi fiċ-ċentri tas-saħħa.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar li l-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Konrad Mizzi ġie tterminat. Dan wara li dalgħodu, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, indikat li fi żmien qasir ser tittieħed deċiżjoni dwar il-kuntratt…

Ikel

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qed iwissi lill-pubbliku dwar kejkijiet żgħar tad-ditta No Moo. Id-Direttorat qal li l-imsemmi prodott m’għandux jiġi kkunsmat minn persuni li huma allerġiċi…

Ambjent

Balavostri li nstabu mkissra fil-Barakka ta’ Fuq taw l-impressjoni ta’ att vandalu, iżda xhud fuq il-post qed isostni mod ieħor. Sezzjoni tal-balavostri biswit it-taraġ li jwassal għall-batterija tas-salut, instabu nieqsa…

Kronaka

Ħadd ma weġġa’ meta vann spiċċa fuq ir-roundabout magħrufa bħala tal-Imgħallaq, f’Ħal Qormi. Il-Pulizija qalet lil TVM li kienet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-1.15pm. Pulizija marru fuq il-post biex jinvestigaw, bid-dinamika…

Aktar