Solidarjetà
Opportunità biex titlef kalorija u tagħmel ftit karità

Fil-jiem li ġejjin, il-fondazzjoni non-governattiva Smiling With Jerome se torganizza mixja b’differenza għall-pubbliku bil-għan li dak li jkun iżomm ruħu attiv u fl-istess waqt jagħti xi ħaġa minn butu biex jgħin lill-Fondazzjoni fil-ħidma karitattiva sfieqa tagħha.

Attività, li se ssir fuq medda t’għaxart ijiem. ‘Walk with Jerome’ tibda fl-4 ta’ Frar li jaħbat il-Jum Dinji tal-Kanċer u tibqa’ għaddejja sa Jum San Valentinu.

Minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li għadna fihom, il-mixja mhix sa ssir b’mod kollettiv. Minflok, dak li jkun imħeġġeġ joħroġ jagħmel passejn għal rasu jew mal-familjari tiegħu. Kull min se jipparteċipa se jingħata numru bil-logo tal-Fondazzjoni fuqu biex kif ikun barra, jekk irid, jieħu ritratt bih u jibagħtu lill-Fondazzjoni stess biex jittella’ fuq il-midja soċjali.

Jekk imħajjar tieħu sehem f’din il-mixja b’differenza tista’ tagħfas hawn. Għal aktar tagħrif, tista’ żżur il-paġna ta’ Facebook tal-Fondazzjoni.

Smiling With Jerome twaqqfet wara li f’Ottubru tal-2017 iż-żagħżugħ li seraq il-qlub ta’ bosta, Jerome Frendo, ġie nieqes wara battalja ta’ madwar erba’ snin mal-kanċer.