Lokali
Jegħleb il-problema tad-droga u jiskopri t-talent li kellu moħbi

Godwin Spiteri huwa wieħed minn sitta min-nies li wara li ħarġu mill-problema tad-droga ser jiftħu negozju għal rashom bis-saħħa ta’ programm bejn il-Caritas u l-kumpanija Malta Government Investments. Il-programm bl-isem ta’ Suċċess se jinvesti mat-€30,000 fis-sitt persuni li jkunu temmew b’suċċess il-programmi tal-Caritas għar-rijabilitazzjoni mid-droga.

Wara snin jabbuża mid-droga, Godwin Spiteri ta’ 39 sena, temm b’suċċess il-programmi ta’ riabilitazzjoni tal-Caritas li permezz tagħhom issa qed iħares ‘il quddiem li jibni ħajtu mill-ġdid bl-appoġġ ta’ programm ġdid bejn il-Malta Government Investments u l-Caritas. Is-sur Spiteri qal lil TVM li meta kien fil-programm ta’ rijabiltiazzjoni mid-droga f’San Blas mhux biss għeleb il-problema tad-droga iżda skopra t-talent li kellu moħbi.

Godwin Spiteri qal “kont imkisser u ma kellix x’nagħmel..spiċċajt qbadt ġebla u ħloqt salib, u llum il-ġurnata fi żmien sentejn, niskultura sew”.

Godwin qal li f’Dar Charles Miceli tal-Caritas kompla bil-proċess ta’ rijibailitazzjoni u integrazzjoni u issa qed jaspira li bil-programm Suċċess jibda n-negozju tiegħu.

Godwin qal “dal-programm qed jagħtini opportunità, il-ħolma tiegħi li jkolli xogħol personali għalija li nħobb nagħmel jien.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Government Investments Herald Bonnici qal li dan huwa proġett pilota għal sena, b’investiment ta’ €30,000. Huwa qal li sitt persuni se jiddaħħlu fi programm Suċċess iggwidat mill-Professur Russell Smith.

Herald Bonnici qal “fl-ewwel fażi, support ta’ mentoring u development, irridu naraw jekk hemmx bżonn li ngħinuhom bħal support finanzjarju biżżejjed biex jiftħu l-intrapriża tagħhom fil-perjodu li ġej.”

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li dan huwa wieħed mill-eżempji ta’ responsabbiltà soċjali tal-Gvern. Qal li programm bħal dan huwa prova oħra ta’ kif is-sinerġiji bejn l-entitajiet differenti jistgħu jagħtu l-frott”.