Mużika
Opra oriġinali bil-Malti dwar l-immigrazzjoni

Valletta 2018 se ttella’ opra oriġinali bil-Malti fuq il-Fosos tal-Furjana. Din hi l-ewwel opra Maltija tat-tip tagħha għaliex se titratta tema attwali, il-fenominu tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u l-implikazzjonijiet tiegħu.

Aħna refuġjati huwa l-isem ta’ opra ġdida. Din se ssir bħala parti mill-Valletta 2018. Iċ-ċhairman ta’ Valletta 2018, Jason Micallef, qal li din l-opra se titratta realtajiet kurrenti fir-reġjun Ewro Mediterranju, fosthom il-prezz li jħallas il-bniedem minħabba l-immigrazzjoni u l-konvenjenza politika, r-razziżmu u l-preġudizzju.

Iċ-Chairman ta’ Valletta 18, Jason Micallef qal li “ma setax jonqos li l-ħsieb jekk konna se nagħmlu opra oriġinali bil-Malti jaqa’ fuq il-kriżi umanitarja li kontinwament naraw fuq il-mezzi tax-xandir, ir-refuġjati. U allura nemmnu ħafna wkoll li permezz ta’ din l-opra, permezz ta’ din is-saħħa kulturali, kapaċi, jiena pożittiv ħafna, li nwasslu messaġġ qawwi ħafna ta’ kompassjoni u anke biex il-pubbliku Malti jifhem xi jwassal lil persuna jispiċċa refuġjat.”

Aħna Refuġjati, b’mużika ta’ Mario Sammut u Richard Merill Brown, hija l-ewwel xogħol operistiku ta’ Sammut. Id-direttur artistiku, Mario Philip Azzopardi, qal li din l-opra hija prova tat-talent eċċezzjonali lokali li x-xogħol fuqha ilu għaddej iżjed minn sentejn u nofs.

Mario Philip Azzopardi qal li “hawnhekk issa għandna opra li mhux qed titkellem dwar suġġett li huwa ta’ fjaba jew ta’ xi ħaġa fantastika. Dan huwa suġġett reali ħafna li aħna f’din il-ġenerazzjoni, f’din l-epoka, qed nifhmuha u nafu xi tfisser”.

Fost il-kast hemm is-sopran Miriam Gauci, il-kontra-tenur Jose’ Hernandez Pastor, it-tenur Joseph Zammit, u l-mezzo soprani Clare Ghigo u Federica Falzon. Is-Sopran Miriam Gauci qalet li tinsab kuntenta ħafna tal-fiduċja li ntweriet fiha u sostniet li taf li din l-opra se tkun suċċess.

Miriam Gauci qalet li “hija opera verament attwali. Anke mużikalment kif inhi maħduma hija ben diversa minn dak li ssoltu nagħmlu, jiġifieri fit-teatru. Però l-messaġġ jasal sabiħ. Naħseb li għall-pubbliku ħa tkun tokkanti ħafna, anke mużikalment tasal il-mużika b’mod sabiħ ħafna.”

L-opra Aħna refuġjati se tittella’ fuq il-Fosos tal-Furjana fil-31 ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Settembru.