X

Opra oriġinali Qasba Żejt mtellgħa f’Għawdex

Il-Kunsill Lokali tal-Għarb bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, se jtella’ t-tieni edizzjoni tal-festival tal-baned bl-isem Make Music Great 2018 kif ukoll l-opra oriġinali ‘Qasba Żejt’.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Novembru, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dawn il-festivals tematiċi u l-attivitajiet kulturali qed jagħtu valur miżjud lil Għawdex u qed isawru lill-gżira bħala destinazzjoni distinta s-sena kollha.

Il-Ministru Caruana qalet li dawn il-festivals qed iħallu l-frott mixtieq peress li l-udjenza, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, qed tkompli tiżdied. Fakkret li l-Ministeru għal Għawdex ra żieda sostanzjali fil-vot dedikat għal festivals tematiċi f’Għawdex bil-għan li l-livell ta’ dawn il-festivals ikompli jitjieb.