Waqt il-Kafé
Oqgħod kwiet u nagħtik santa!

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Meta kont żgħir, tal-mużew kienu jgħidulna li jekk noqgħodu kwieti jagħtuna santa. Kien hemm min jaqla’ santi kuljum u kien hemm oħrajn li tant qatgħu qalbhom li qatt ma huma se jaqilgħu waħda li xorta kienu jibqgħu imqarbin.

Jien jidhirli li kont kwiet… meta kont żgħir. Imma mingħand tal-mużew santa rari qlajt. Forsi kien hemm min kien kwiet aktar minni? Kont naqla’ biss meta s-Superjura kien ikollha s-santi żejda u tagħti waħda lil kulħadd.

Is-santi mhumiex xi ħaġa li oriġinat f’Malta. Anzi jingħad li din it-tradizzjoni tmur lura sa żmien Gutenburg meta kien ivvinta l-magna tal-istampar. Kien hemm żmien meta l-patrijiet u s-sorijiet kienu jżejnu dawn is-santi bil-bellus u bil-bizzilla.

Meta kont naqla’ xi santa bil-bizzilla mingħand in-nanna, kont nibża’ għaliha aktar mis-santi l-oħrajn. Santi kont anki nsib minn quddiem xi niċċa fil-knisja wara li nitfa’ xi sold. Dak iż-żmien is-santi kienu popolari. Kienu anki jiġu nies iħabbtu l-bibien iqassmu s-santi ta’ xi qaddis wara li jkunu qalgħu xi grazzja.

Anki santi ta’ nies li ma kinux qaddisin kien hawn. Niftakar santi ta’ nies meqjusa li għexu ħajja tajba bħal Ġuża Bugeja, Dun Alfred Gatt, Dun Ġorġ Preca (li kien għadu mhux qaddis) u tat-tfajjel Twannie Aquilina li kien inqatel brutalment fil-Belt Valletta meta kellu 8 snin.

Santi kienu anki jbiegħuhom ħwienet bħal Ċelest ta’ Raħal Ġdid jew Cordina ta’ Triq Merkanti l-Belt. Kienu jsiru santi tal-preċett, meta xi ħadd isir qassis u anki f’xi tieġ; dejjem bl-istampa tat-tieġ tal-Madonna ma’ San Ġużepp. Illum dawn tal-aħħar ħadu posthom it-Thank You cards.

Kien hawn ukoll is-santi tal-mejtin li mhux biss baqgħu popolari, anzi llum saru ta’ kull daqs, għamla u kulur. Is-santi tal-mejtin hawn min iġemmagħhom ukoll. Idaħħluk f’xi kamra bil-ħitan mimlija santi tal-mejtin… xena makabra ta’ mijiet ta’ uċuħ b’għajnejhom iħarsu fissi lejk qishom xfafar biex ifakkruk li fejn marru huma trid tmur int ukoll, trid u ma tridx.

Ifakkruni meta tal-mużew kienu jgħidulna li min ma joqgħodx kwiet, mhux biss ma jaqlax santa, anzi jispiċċa ħdejn ta’ denbu twil iniggżek bil-furkettun.  Ajma l-warrani!

Ħa nara kif nagħmel u nibda noqgħod kwiet… aktar minn meta kont żgħir.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jkun xi jkun ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, huwa u sħabu kommessi li jaħdmu aktar qalb in-nies li mhux…

Partit Laburista

F’Mass rally il-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej mhix bejn l-aħmar u l-blu, imma dik bejn li tmur lura jew…

Passatemp

Eluf ta’ key chains taħt saqaf wieħed, huma l-mimmi t’għajnejn Ġorġ Borġ, li faċilment jista’ jingħad li għandu l-ikbar kollezzjoni tagħhom f’Malta. Qatt ma xtara waħda, iżda huwa kburi li…

Aktar