Qorti
Ordnati jaħdmu 600 siegħa bla ħlas wara li sawtu żewġt irġiel f’Paceville

Filmat imxandar minn TVM kien strumentali biex tliet ‘bouncers’ instabu ħatja li weġġgħu gravi lil żewġt irġiel f’Paceville. Fil-ftuħ tas-sentenza l-Maġistrat Joseph Mifsud iddikjara li l-każ kien wasal quddiem il-Qorti wara rapport fil-midja.

Kienu s-sigħat bikrin tal-21 ta’ Mejju 2017, meta Ali Alhasan u Sami Al Smadi, li huma mis-Sirja u l-Ġordan, sfaw aggrediti meta ppruvaw jidħlu fi stabbiliment tad-divertiment fi Triq San Ġorġ.

Bir-reat kienu akkużati sitt irġiel Maltin; Simon Cassar, William Briguglio, Carmelo Zammit, Carmel Sghendo, Jurgen Sghendo u Ezekiel-Gorg Mintoff. Huma kienu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika u li ħadmu bħala gwardjani privati bla liċenzja.

Wieħed mill-irġiel qala’ daqqa ta’ flixkun, daqqa ta’ sikkina, u ġie mbuttat f’bieb tal-ħġieġ

Fil-Qorti ħareġ li kienu seħħew żewġ inċidenti ftit minuti biss bogħod minn xulxin, iżda l-ewwel wieħed ma kienx inqabad b’kamera, u Al Smadi ma kienx kapaċi jidentifika sew lill-aggressuri. Ma kinux lanqas ittellgħu jixhdu persuni li raw l-inċident, u għalhekk il-Qorti ma setgħetx tiddeċiedi fuq din l-allegata aggressjoni.

Madanakollu l-Qorti kienet komda tistrieħ fuq ix-xhieda ta’ Alhasan, li kien ċar u konsistenti meta ddeskriva l-inċident, fejn identifika lil Cassar li sawtu bi flixkun u lil Jurghen Sghendo li mbuttah f’bieb tal-ħġieġ. Dawn kienu kompatibbli mal-ġrieħi li sofra, kif kienet ukoll daqqa ta’ sikkina li qal li qala’ f’idu. Huwa iżda qal li ma kienx ċert min tah din id-daqqa, u f’għajnejn il-Qorti dan irendi x-xhieda tiegħu iktar kredibbli.

Il-filmat wera kif żvolġa t-tieni inċident, bl-aggressuri jidhru ċari

Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-filmat, li juri t-tieni inċident, Al Smadi jidher ikellem lill-bouncers, fosthom lil Zammit, meta Briguglio ġie minn warajh u tah daqa biċ-ċatt f’rasu. Fil-pront imur fuqu Mintoff u jibda jtih bil-ponn u bis-sieq, sakemm dan jispiċċa mitluf minn sensih mal-art.

Il-ġrieħi sofferti minn Alhasan u Al Smadi ġew iċċertifikati bħala gravi, fosthom minħabba sfreġju f’wiċċhom, fejn Al Smadi saħansitra kellu ksur fl-għadam madwar għajnejh.

Il-Qorti qieset li mill-filmat, il-persuni li kienu għaddejjin mit-triq ma dehrux imbeżżgħin, u għalhekk ma kienx hemm ksur ta’ paċi pubblika.

Ma kienx hemm provi li l-akkużati kienu qed jaħdmu bħala bouncers

Dwar il-liċenzja biex l-akkużati jaħdmu bħala gwardjan privat, il-Qorti qieset li Carmelo Zammit kellu l-liċenzja ta’ gwardjan privat u anki permess biex jaħdem f’post ta’ divertiment, filwaqt li l-kumplament jew ma kellhomx permess jaħdmu f’post ta’ divertiment, jew kellhom liċenzja skaduta, inkella saħansitra ma kellhomx liċenzja.

Madanakollu l-Qorti qalet li ma kinux tressqu provi li l-ħamest irġiel kienu tassew qed jaħdmu bħala gwardjani privati, u li l-Qorti ma tistax tassumi dan il-fatt sempliċiment għax kienu lebsin flokk iswed u kienu qegħdin quddiem stabbiliment. Huma għalhekk ma nstabux ħatja ta’ din l-akkuża.

Wieħed mit-tlett irġiel misjuba ħatja huwa riċediv

Finalment, William Briguglio, Carmelo Zammit u Carmel Sghendo nħelsu mill-akkużi kollha. Simon Cassar u Jurgen Sghendo nstabu ħatja li weġġgħu gravi lil Alhasan, filwaqt li Mintoff instab ħati li weġġa’ gravi lil Al Smadi u lil Alhasan. Sghendo waħdu nstab ħati li hu riċediv.

Huma ġew ordnati jwettqu 600 siegħa ta’ servizz fil-komunità bla ħlas bejniethom; Cassar 150 siegħa, Sghendo 200 siegħa, u Mintoff 250 siegħa.

Huma kienu ordnati wkoll iħallsu €588 kull wieħed fi spejjeż tal-esperti, u kienu marbuta b’garanzija ta’ €2,000 biex ma jersqux lejn Al Smadi u Alhasan.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef. Għall-akkużati dehru l-avukati Joe Giglio għal Carmel Zammit, Andy Ellul u Ryan Ellul għal Simon Cassar, Charlon Gouder u Ramona Attard għal Carmel u Jurgen Sghendo, Kathleen Grima għal Ezekiel Mintoff, waqt li Arthur Azzopardi deher għal William Briguglio.

Ara wkoll:

Aġġornat – jallegaw li qalgħu xebgħa mill-bouncers ta’ bar f’Paceville

FILMAT ESKLUSSIV – żewġt irġiel jaqilgħu xebgħa minn bouncers f’Paceville

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Immigrant żagħżugħ ta’ 16-il sena li gidem uffiċjal tad-detenzjoni hekk kif prova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi jumejn ilu baqa’ miżmum arrestat. Iż-żagħżugħ irnexxielu jiddendel mal-fence taċ-ċentru tad-detenzjoni u…

Kostruzzjoni

Il-President tal-għaqda tal-iżvilupatturi Sandro Chetcuti ikkundana mingħajr tlaqliq ir-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni f’ambjent naturali u fil-wied tal-Imġarr. Huwa qal li l-MDA għandha ħjiel ta’ minn rema l-iskart tal-kostruzzjoni f’wied fl-Imġarr…

Qorti

Ragel ta’ 58 sena ġie akkużat li ta b’mus lil kuġinuh wara argument fuq kera. L-inċident seħħ jumejn ilu tard waranofsinhar fi Sqaq Warda, f’Ħal Għargħur. Il-vittma, li għandu 74…

Kronaka

Dalgħodu tilfet ħajjitha l-anzjana li ttajret 4 xhur ilu f’San Ġwann. Hija mietet fl-isptar Mater Dei fejn kienet ilha minn dik inhar tal-inċident f’koma kawża tal-ġrieħi serji li ġarrbet f’rasha….

Aktar