Ordnati ma jersqux lejn il-festa ta’ Santa Liena wara ġlieda familjari

Tlett irġiel kienu ordnati ma jersqux lejn il-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara wara li wieġbu mhux ħatja li weġġgħu raġel waqt ġlieda bejn żewġ familji.

L-aħwa Michael u Daniel Pace ta’ 31 u 23 sena u Adrian Tonna ta’ 23 sena minn Birkirkara kienu akkużat li weġġgħu serjament lil Lineker David Micallef waqt ġlieda li nqalgħet bejn żewġ familji t-Tlieta fil-11.30 p.m.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet li t-tilwim kien ilu għaddej bejn iż-żewġ familji. Michael Pace għandu wild mingħand oħt Micallef.

Fil-Qorti ngħad li allegatament ġimgħa ilu Micallef hedded lil Michael Pace.

Ingħad li dakinhar tal-inċident, it-tliet akkużati raw lil Micallef idur fit-toroq meta kienu jafu li kien fuq bail u kellu jkun id-dar sa ċertu ħin. Huma ċemplu lil pulizija biex jinformawhom li kien għadu barra, iżda kien allegat li siegħa wara li ċemplu, il-pulizija baqgħet ma ħadet ebda azzjoni.

Huma stennew barra r-residenza tas-Sur Micallef biex jaraw fi x’ħin kien se jidħol id-dar u eventwalment attakkawh hekk kif wasal lura.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit tathom il-ħelsien mill-arrest fuq garanizja personali ta’ €10,000 u ordnatilhom biex jibqgħu ‘l bogħod mill-attivitajiet marbuta mal-festa ta’ Birkirkara biex ikun evitat aktar ġlied.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija Luke Bonello waqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużati.