Qorti
Ordni dwar manteniment li tinvolvi persuna li tgħix barra se tkun inforzata xorta

Manteniment ta’ tfal se jkun jista’ jibda jsir f’każ li raġel jew mara separata jew divorzjata jkunu qed jgħixu f’pajjiż barrani.

Dan se jkun possibbli wara ftehim li sar bejn żewġ ministeri billi se tkun qed tingħata ordni mill-Qorti speċifika f’dan ir-rigward.

Fl-aħħar sentejn kien hemm 22 każ ta’ manteminent li kellhom jittieħdu passi legali biex jitħallas il-manteniment.

Il-possibbiltà li wieħed imur jgħix pajjiż ieħor ħolqot ukoll diffikultajiet għall-koppji separati jew divorzjati li jkollhom l-ulied u jkun meħtieg li jingħata l-manteniment.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja ngħaqad mal-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali biex dawk il-ġenituri li suppost jagħtu manteniment għat-trobbija ta’ uliedhom, u li jgħixu mal-parti l-oħra li tgħix f’pajjiż ieħor, ma jabbużawx min-nuqqas ta’ infurzar billi ma tħallasx il-manteniment.

“Ovvjament persuni li għandek minuri f’pajjiż u persuna oħra li obbligata tagħti l-manteniment li tkun f’pajjiż ieħor. L-idea hija li Legal Aid Malta tagħti assistenza b’saħħitha lill-FSWS li hija l-awtorità ċentrali jiġifieri tirċievi dawn l-ilmenti minn barra jew tirċievi ilmenti minn barra li mhux qed jitħallas il-manteniment”.

Il-Ministru Michael Falzon qal li qed isir ħafna xogħol biex ikun assigurat li persuni vulnerabbli jingħataw il-protezzjoni li jixirqilhom.

“Għandu għan wieħed li naħdmu aktar u maqgħudin fejn ikollna każi ordnijiet ta’ manteniment ġejjin minn barra l-pajjiż imma għandek xi ħadd hawn jew viċi versa. Il-każijiet li huma taħt Legal Aid Malta huma madwar 22, jiġifieri qed naqbżu l-20, u l-għan huwa li nespedixxu u naħdmu aħjar biex dak li jkun ma jiċċaqlaqx minn post għall-ieħor aktar importanti fejn ikollok it-tfal u b’hekk jonqos mill-obbligu tiegħu li jagħti manteniment”.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali Alfred Grixti u minn Bruno Zahra f’isem l-Aġenzija Maltija għall-Għajnuna Legali.