Pulizija
‘Pa, illum kienet l-aħħar ġurnata tiegħek Pulizija, sfortunatament spiċċajt tissielet għal ħajtek wara li salvajt ħafna nies’

“Pa, Illum kienet l-aħħar ġurnata tiegħek bħala pulizija. Sfortunatament kellek tispiċċa s-servizz tiegħek bi traġedja li ħalliet impatt kbir fuq ħajtek.” Dan kien kliem bint il-pulizija Simon Schembri li lbieraħ spiċċa mill-25 sena servizz fil-Korp.

Fuq Facebook, bint is-Surġent Simon Schembri qalet li hija kburija kemm b’missierha kif ukoll b’dak li għamel, fejn b’ħidmietu salva u għen lil diversi nies.
Hija esprimiet id-dieqa tagħha li lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu safa jissielet għal ħajtu. Qalet li t-traġedja li għaddew minnha għenithom jirrealizzaw kemm huwa importanti li fil-ħajja japprezzaw kull mument u li japprezzaw lil xulxin. Stqarret li Malta teħtieġ iżjed nies ta’ servizz bħal missierha.

Intant, Simon Schembri Blue Light Foundation sellmitlu wkoll u qalet li l-ispirazzjoni tiegħu ta’ saħħa, determinazzjoni u volontà tiżboq kull ħaġa oħra immaġinabbli. Qalet li Simon huwa tassew eżempju ċar ta’ kemm Pulizija jista’ jkollu karriera impekkabbli u straordinarja mingħajr ma jitla l-iskaluni tal-gradi fis-servizz.