Padova: f’kull bini pubbliku jrid ikun hemm il-Kurċifiss

Is-sindku ta’ Padova, fl-Italja, iddikjara li f’kull bini pubbliku  għandu jkun hemm il-Kurċifiss.

Massimo Bitonci, li hu membru tal- Lega Nord, partit kontra l-immigranti, kiteb fuq Facebook li issa kull uffiċju u kull skola se jingħatawlhom Kurċifiss “sabiħ” mill-Kunsill tal-belt u dan irid jitpoġġa f’post prominenti aċċessibbli għall-pubbliku.

Zied jikteb: “Ara min jażżard jneħħih għax b’rasu jdur.”

Waqt li l-Kostituzzjoni tal-1948 tiddikjara li l-Italja hija stat sekulari u li kull reliġjon hija ugwali quddiem il-liġi, il-Gvern Taljan qatt ma abbroga uffiċjalment digrieti li jmorru lura għall-Faxxiżmu li jgħidu li f’postijiet pubbliċi jrid ikun hemm il-Kurċifiss tant li dan jisab espost fil-qrati, sptarijiet u skejjel pubbliċi.