Lokali
“Pajjiżi l-iżjed milquta bil-COVID-19 u b’ekonomiji dgħajfa għandhom bżonn l-għajnuna ta’ pajjiżi oħra”

F’messaġġ rekordjat lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pandemija tal-Covid-19 laqtet is-sistemi tas-saħħa, l-ekonomiji u s-soċjetajiet dinjija. Qal li hu għalhekk li l-pajjiżi l-iżjed milquta u b’ekonomiji dgħajfa għandhom bżonn l-għajnuna ta’ pajjiżi oħra. Dr Abela qal li s-settur agrikolu hu fundamentali biex ikun indirizzat il-ġuħ madwar id-dinja u spjega kif fl-eqqel tal-pandemija, Malta bagħtet provvisti tal-ikel fin-Na-mi-bja u temgħet nofs miljun persuna.

Il-Prim Ministru qal li f’dawn ix-xhur tal-pandemija ttieħdu diversi miżuri finzjarji biex tkun mgħejjuna l-ekonomija Maltija. Qal li fil-qofol ta’ kollox il-gvern ħareġ b’pakkett finanzjarju ta’ €1,800 miljun, li jfisser kważi 13% tal-prodott domestiku gross għas-sena l-oħra. Robert Abela qal ukoll li Malta implimentat miżuri ta’ sigurtà soċjali biex tħares l-impjiegi, tant li tħallsu nofs biljun ewro f’benefiċċji kontributorji u 100 miljun ewro f’benefiċċji mhux kontributorji. Spjega li b’dawn il-miżuri Malta salvat 25,500 impjieg.

Tema oħra trattata mill-Prim Ministru f’dan il-fora internazzjonali kienet l-immigrazzjoni. Dr Abela qal li Malta tiffaċċja kuljum vjaġġi klandestini. Sostna li dawn in-nies iridu ħajja aħjar, imma Malta hi żgħira wisq biex tilqa’ dan l-influss kollu. Qal li waqt li l-Unjoni Ewropea din il-ġimgħa nediet il-pjan tagħha tal-migrazzjoni, in-Nazzjonijiet Magħquda wkoll għandha rwol ewlieni biex tindirizza din l-isfida umanitarja u globali. Il-Prim Ministu qal li n-Nazzjonijiet Magħquda trid taħdem ma’ aġenziji u msieħba dinjija biex tgħin lil dawn in-nies jibnu ħajja aħjar biex inqas nies ikunu vittmi tat-traffikanti u iżjed ħajjiet ikunu salvat.