“Pajjiżna b’reputazzjoni tajba mmens mal-Kummissjoni Ewropea” – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li ż-żjara f’Malta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker waslet messaġġ ċar li Malta tgawdi reputazzjoni tajba mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Unjoni Ewropea.

F’kollegament telefoniku fuq one radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat stqarr li ż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker f’Malta wriet li l-istituzzjoni ewlenija tal-Unjoni Ewropea tħares tajjeb immens lejn Malta. Dr Muscat qal li fil-laqgħa mal-President Juncker, ħareġ li Malta hija stmata tajjeb ħafna mill-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Prim Ministru ddiskriva din ir-relazzjoni bħala waħda dinamika.

Dwar in-nomina ta’ Helena Dalli għall-Kummissarju Ewropej, il-Prim Ministru Muscat qal li hu ċert li se tagħmel biċċa xogħol tajba ħafna fil-preparamenti sabiex tmur għas-smigħ quddiem il-Parlament Ewropew. Dr Muscat qal li Dr Dalli għandha l-kredenzjali u jittama li jkun hemm appoġġ mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. Il-Prim Ministru qal li bin-nomina ta’ Helena Dalli huwa sinjal storiku b’saħħtu u semma kif gvernijiet immexxija mill-Partit Laburista għandhom r-rekord li kienu l-ewwel li kellhom Ministru mara, l-ewwel li ħatar żewġ nisa bħala President u l-ewwel li mara ntgħażlet bħala speaker u issa n-nomina l-ewwel mara bħala Kummissarju Ewropew.

Mistoqsi dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-vot ta’ fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, il-Prim Ministru xebbaħ is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista ma’ sensiela fuq Netflix, li meta tkun se tispiċċa sensiela , jinqala’ xi ħaġa fl-aħħar u jkollok tistenna s-sensiela ta’ wara biex tara kif se tkompli. Waqt li qal li mhux xogħlu li jikkummenta fuq x’inhu għaddej fil-Partit Nazzjonalista, Dr Muscat qal li jittama li issa Dr Delia jara kif se jmexxi ‘l quddiem lill-Oppożizzjoni għax il-pajjiż u l-Gvern għandu bżonn Oppożizzjoni li jista’ jitkellem magħha,

Fl-aħħar nett, l-Prim Ministru feraħ lil Dr Delia talli rebaħ lil Simon Busuttil fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista, li fi kliemu qal li mhix xi ħaġa kbira.