Teknoloġija
Pakketti li tordna minn barra jistgħu jibdew jaslu l-għada

Iż-żmien li wieħed idum jiem jistenna l-pakkett tiegħu jasal minn barra minn Malta jaf daqt jasal fi tmiemu.

Dan hekk kif kumpanija barranija, li hija l-ewwel tax-xorta tagħha fid-dinja tax-xorta tagħha, se tibda twassal il-pakketti minn u lejn Malta fi żmien ġurnata biss minn meta l-persuna tkun ordnat l-oġġett.

Il-kumpanija bdiet topera minn Malta dan l-aħħar u qed tippjana li toħloq bosta impjiegi u opportunitajiet f’dan is-settur.

L-avvanzi fit-teknoloġija wasslu sabiex minn hawn u ftit tax-xhur oħra persuna li tordna pakkett minn barra filgħodu jaslilha d-dar iktar tard fl-istess jum.

Il-kumpanija Bulgara Dronamics, li għażlet lil Malta sabiex tiftaħ il-kwartieri ġenerali tagħha, ilha 7 snin taħdem fuq teknoloġija biex pakkett daqshekk jibqa’ jasal bl-ajruplan – iżda bid-drone.

Intervistat miċ-Ċentru tal-Aħbarijiet il-Fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Dronamics, Svilen Rangelov, qal illi apparti li l-pakkett issa jista’ jasal fl-istess jum li jkun ordnat, jiswa ferm inqas lill-konsumatur.

“The mission of Dronamics is to enable same day shipping for everyone, everywhere … and we have created a new type of cargo drone, … it looks like an airplane … it’s essentially an airplane but without a pilot on board … it can carry 350 kilograms at a distance of up to 2,500 kilometers … so in Malta it’s pretty much everywhere in Europe and North Africa, we can ship same day”.

Rangelov qal li l-bini u l-operat ta’ dawn id-drones li qed jirnexxielha tibni il-kumpanija huma ferm irħas mill-ajruplani kif nafuhom illum.

Mistoqsi x’kienet ir-raġuni għaliex il-kumpanija Bulgara għażlet li tibbaża ruħha f’pajjiżna, Rangelov wieġeb li l-pożizzjoni strateġika ta’ Malta u l-effiċjenza tal-awtoritajiet konċernati kkonvinċewh jagħmel dan il-pass.

Huwa sostna li bejn piloti li jtajjru d-drones mill-art u t-twaqqif ta’ sistema sħiħa ta’ loġistika l-kumpanija mistennija toħloq mijiet ta’ impjiegi f’Malta.

“It was a very obvious choice … but we are also very much relying on the practicalness and the structural efficiency which the Government has set up for business like us to thrive here”.

Rangelov temm jgħid kif bħalissa Dronamics qed tistenna li tinħarġilha l-liċenzja tal-avjazzjoni minn Transport Malta bl-ewwel titjiriet mistennija jibdew fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla.

Dronamics hija waħda mill-kumpaniji li qed tipparteċipa fil-Malta Aviation Conference Expo (MACE), konferenza li qed issir f’pajjiżna għat-tielet sena wara l-oħra li tlaqqa’ l-ogħla awtoritajiet u kumpaniji relatati mal-avjazzjoni.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li bil-passi konkreti li ħadet Malta fl-avjazzjoni, anke bil-pjan għat-twaqqif ta’ Awtorita’ għall-Avjazzjoni, din l-industirija qed tkompli tikber u tkun ta’ stimolu importanti għall-ekonomija Maltija.