Kisbiet
Palumbo b’kuntratt prestiġjuż għat-tiswija ta’ bastimenti tal-kumpanija Corsica Linea

It-tarzna ta’ Palumbo rebħet kuntratt prestiġjuż għat-tiswija ta’ tliet bastimenti tal-kumpanija Franċiża Corsica Linea b’sistema ta’ tindif tal-fuel skont ir-regoli l-ġodda fis-settur li jħarsu l-ambjent.

Fi stqarrija, il-grupp Palumbo qal li Malta ntgħażlet għal dan il-kuntratt minn fost l-aqwa tarzni f’Spanja u Marsilja. Ix-xogħlijiet fuq il-bastimenti ta’ Corsica Linea: MV Pascal Paoli, MV Jean Nicoli u MV Paglia Orba mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Il-President tal-grupp Palumbo, Antonio Palumbo kkummenta li dan hu vot ta’ fiduċja fix-xogħol tal-kumpanija hekk kif Corsica Linea għażlet li tibdel ir-rotta kummerċjali tagħha biex ix-xogħol isir f’Malta.

Qal li t-tarzna tiegħu f’Malta qed tinvesti f’teknoloġija aktar nadifa u f’kompetenzi li jippermettulha tibqa’ proattiva f’din l-industrija volatili, filwaqt li tgħin lill-bastimenti jilħqu l-miri ghall-2020 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda.