Negozju
Palumbo se jbigħ nofs it-tarzna lil MSC Cruises

It-tarzna ta’ Bormla ser ikollha sidien ġodda hekk kif il-kumpanija Palumbo lesta li tbiegħ nofs l-ishma tagħha lil kumpanija MSC Cruises. Il-proċess għal dan it-trasferiment tal-ishma diġà beda tant li l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qed tara jekk hemmx oġġezzjonijiet għal dan il-ftehim minn kompetituri oħra fis-suq. Palumbo li fadlilhom kważi 20 sena konċessjoni fuq l-operat tat-tarzna qalu li f’dan l-istadju mhux ser jikkummentaw.

Għaxar snin mindu t-tarzna għaddiet għand il-privat b’konċessjoni mill-Gvern għal 30 sena, il-kumpanija Palumbo Malta Shipyard se tbiegħ nofs l-ishma tagħha lill-kumpanija MSC Cruises. Dan ifisser li ż-żewġ kumpaniji se jkunu sħab fl-operat tat-tarzna.

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur ħarġet avviż biex jekk hemm min jixtieq iressaq oġġezzjoni dwar is-sħubija ta’ MSC Cruises u Palumbo jista’ jagħmel dan fi żmien sebat ijiem. L-awtorità għaddejja b’investigazzjoni biex tivverifika jekk dan il-ftehim hux konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni.

Ikkuntatjat minn TVM, kelliem għall-Palumbo Group qal li bħalissa mhux prudenti li jikkumentaw fuq il-ftehim sakemm kollox ikun finaliżżat.

Il-kumpanija Taljana Palumbo iffirmat il-ftehim biex tkun l-operatur il-ġdid tat-tarzna f’Ġunju tal-2010 meta ngħatat il-konċessjoni ta’ tliet baċiri għat-tiswija tal-vapuri u l-yacht marina ta’ Manoel Island għal tletin sena. Palumbo topera tarzni wkoll f’Napli u Messina.

Min-naħa tagħhom, MSC Crusies għandhom storja ta’ 300 sena fil-qasam tat-tbaħħir. Imwaqqfa f’Napli u llum rreġistrata f’Ġinevra l-Iżvizzera, il-kumpanija hija fost l-operaturi ewlenin tal-cruises madwar id-dinja. Bħalissa huma għandhom sbatax-il vapur tal-passiġġieri.

Iż-żewġ kumpaniji diġà kellhom kollaborazzjoni f’portijiet fl-Ewropa fil-passat. Sorsi fl-industrija qalu lil TVM li dan il-ftehim għandu jkompli jsaħħaħ l-operat tat-tarzna b’iżjed xogħol. Mhux magħruf jekk il-Gvern iridx jagħti wkoll l-approvazzjoni tiegħu għal ftehim bejn Palumbo u l-MSC Cruises skont il-ftehim li sar fl-2010 bejn il-Gvern u l-Palumbo.