Barranin
Papa Franġisku jiltaqa’ mal-mexxej Ungeriż Orban

Ġurnata impenjattiva għall-Papa Franġisku li żar l-Ungerija għall-għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali u waranofsinhar beda l-vjaġġ apostoliku fis-Slovakja.

Fost laqgħat li kellu kien hemm dik mal-Prim Ministru kontroversjali Viktor Orban. Fid-diskorsi fl-Ungerija, il-Papa tkellem dwar l-anti Semitiżmu li qal jinsab kemm fl-Ewropa u anke f’postijiet oħra u ħeġġeġ biex dan is-sentiment jieqaf jikber permezz tal-għaqda u l-ħidma pożittiva u flimkien.

Il-Papa Franġisku għamel żjara ta’ ftit sigħat fl-Ungerija. Fuq it-titjira lejn il-kapitali Budapest, il-Papa qal lill-ġurnalisti li jinsab kuntent li reġa’ beda l-vjaġġi apostoliċi għax qal li b’hekk jista’ jwassal il-kelma t’Alla lill-popli.

Il-Papa qatta’ seba’ sigħat l-Ungerija u matulhom kellu laqgħa ta’ madwar 40 minuta mal-Prim Ministru Viktor Orban. Il-laqgħa ġiet deskritta bħala kordjali. Fuq Facebook Orban qal li talab lill-Papa Franġisku ma jippermettix li jintilef il-Kristjaneżmu fl-Ungerija. Il-Papa ltaqa’ mal-Isqfijiet fil-Mużew tal-Arti u wkoll mar-rappreżentanti tal-Kunsill Ekumeniku u ma’ komunitajiet Lhud. F’din il-laqgħa l-Papa qal li t-theddida tal-anti Semitiżmu tinsab kemm fl-Ewropa u wkoll f’postijiet oħra. Qal li din hi fjamma li m’għandhiex titħalla tinfirex.

Wara dawn il-laqgħat il-Papa Franġisku ċċelebra quddiesa fil-Pjazza tal-Eroi f’Budapest u matulha għalaq il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Matul il-quddiesa l-Papa qal li l-Ungerija tista’ żżomm l-għeruq Kristjani tagħha fl-istess waqt li tiftaħ dirgħajha u tilqa lil dawk fil-bżonn. Dan il-kumment qed jitqies bħala rispons għal mod kif il-Prim Ministru Orban jindirizza l-immigrazzjoni.

Għal din il-quddiesa attendew eluf ta’ nies u matulha l-Papa ġab l-eżempju tas-salib li qal jistedinna li jkollna l-għeruq tagħna sodi, waqt li niftħu dirgħajna għal kulħadd.

Ftit qabel it-tlieta ta’ waranofsinhar il-Papa Franġisku telaq lejn il-kapitali ta’ Slovakja, Bratislava fejn il-Ħadd stess kellu laqgħa ekumenika fin-nunzjatura apostolika ta’ Bratislava. Fi Slovakja l-Papa se jżur erbat ibliet u jmur lura l-Vatikan nhar l-Erbgħa. Dan hu l-ewwel vjaġġ apostoliku tal-Papa Franġisku wara li fl-Lulju li għadda kellu operazzjoni maġġuri.