Toroq
Parti mill-bypass ta’ Ħal Luqa se tingħalaq bejn illum u għada

Infrastructure Malta ħabbret li l-karreġjata li tagħti għan-nofsinhar fi Triq San Tumas f’Ħal Luqa se tingħalaq bejn il-11.00 ta’ dalgħodu u għada waranofsinhar.

Il-parti tat-triq li se tingħalaq hija dik li minn ħdejn ir-roundabout tal-monument, viċin LIDL, tieħdok lejn ir-roundabout li minnha tista’ tmur lejn Triq il-Kunsill tal-Ewropa għall-Marsa jew Santa Luċija, inkella lejn l-ajruport.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali Infrastructure Malta qalet li se tagħlaq il-karreġġjata biex tkompli tibniha mill-ġdid, bħala parti minn proġett usa’ fi Triq Ħal Qormi, ir-rotta ewlenija bejn Ħal Qormi, Ħal Luqa, l-Gudja u l-Ajruport.

Hawn qed isiru żewġ korsiji ġodda, tisħiħ tas-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni, korsija ġdida għar-roti u l-mixi maqtugħa mit-triq, fost oħrajn.

Ara hawn it-triq alternattiva li tista’ tuża għal dawn il-jumejn.