Kultura
Partijiet mill-bastiment M.V. Lord Strickland jingħataw b’donazzjoni lil Heritage Malta

Id-donazzjoni ta’ numru ta’oġġetti relatati mal-bastiment M.V. Lord Strickland minn Charles De Micoli u ibnu Beppe De Micoli lil Heritage Malta se tkun qed issaħħaħ l-Istorja Marittima lokali. Wara li jiġu restawrati, dawn l-oġġetti ser jiġu esebiti fil-Mużew Marittimu, fil-Birgu.

Mibni biex ifittex u jneħħi l-isplussivi fil-baħar waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, il-bastiment ma baqax jintuża mill-Flotta Rjali u nxtara mill-Anglia Shipping Company, li Giuseppe De Micoli, missier Charles, kien wieħed mill-azzjonisti prinċipali tagħha. Il-bastiment għadda minn tibdiliet biex ikun jista’ joffri servizzi ta’ trasport ta’ persuni u tagħbija bejn Malta u Sirakuża.

Aktar tard, fl-1950, dan il-bastiment inbiegħ lill-leġġendarju Kaptan Jacques-Yves Cousteau li tah l-isem ta’ Calypso u għollieh għall-fama mondjali meta għażlu biex jakkumpanjah matul l-avventuri magħrufa tiegħu.

Wara li spiċċat il-gwerra, bosta mill-bastimenti tal-Flotta Rjali bdew jitqiesu bħala ingombru. Għaldaqstant l-Anglia Shipping Company għarfet il-mument opportun biex tixtri wieħed minn dawn il-bastimenti ma baqgħux jintużaw mill-militar.

“Wara li xtraw il-bastiment, sar xi tibdil fuqu biex ikun jista’ jintuża għall-għan il-ġdid li kien maħsub għalih, fosthom il-bini ta’ gverta adegwata,” spjega s-Sur De Micoli. Tieqa żgħira tonda u l-ħġieġa fonda ta’ tieqa bħalha, li tneħħew mill-bastiment waqt dawn il-bidliet, issa jiffurmaw parti mill-aħħar donazzjoni li rċeviet Heritage Malta. L-oġġetti l-oħra jikkonsistu minn żewġ sentini li kienu jinsabu biswit il-magni tal-bastiment u kienu jintużaw biex jiġbdu u jarmu xi ilma baħar li jirnexxielu jidħol ġewwa, pompa taż-żejt li kienet tiġi utilizzata f’tankijiet tal-45 gallun, flimkien ma’ fuljett u ritratti tal-bastiment.

Charles u ibnu Beppe De Micoli kienu kburin li taw dawn l-oġġetti lil Heritage Malta biex jibdew jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali u jkunu jistgħu jiġu apprezzati minn kull min iżur il-Mużew Marittimu.