Lokali
“Partit Nazzjonalista fil-Gvern jestendi l-leave tal-paternità” – Dr Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid li jara lill-familja tissaħħaħ u wiegħed li se jagħmel numru ta’ proposti biex dan isseħħ. Dr Grech wiegħed li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jestendi l-leave tal-paternità biex il-missirijiet ikunu ta’ appoġġ għall-omm fl-ewwel ġimgħat tat-tarbija.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fl-elezzjoni li jmiss in-nies għandhom għażla, bejn Gvern li baqa’ bl-istess għanqbut u l-Partit Nazzjonalista li ma jibżax jieħu azzjoni kontra min għamel ħsara lill-pajjiż. Qal li mhux ġust li ż-żgħir jibqa’ jħallas il-prezz ta’ għemil il-ftit li ġabu lill-pajjiż fl-istat li hu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-familja ser tkun element ċentrali fil-politika ta’ Gvern immexxi minnu. F’attività politika fil-Għargħur, Dr Grech li l-Partit Nazzjonalista se jniedi sensiela ta’ miżuri bla preċedent fil-qasam tal-familja fosthom li jestendi l-leave tal-paternità. Il-Kap Nazzjonalista spjega kif il-leave għandu jiġi estiż għall-missirijiet, biex ikunu ta’ appoġġ għall-ommijiet fl-ewwel ġimgħat tat-twelid tat-tarbija.

Dr Grech tkellem ukoll dwar il-proposti li għamel fl-aħħar ġimgħat fosthom il-wegħda li jekk ikun elett fil-Gvern, jiffinanzja l-kura għall-kanċer. Żied li bħalma Malta għandha ftehim dwar il-kura tal-kanċer mal-Ingilterra, Gvern Nazzjonalista jagħmel ftehim simili ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ direttiva tas-saħħa Ewropea.

Dr Grech semma wkoll il-wegħda li mill-Gvern il-Partit Nazzjonalista jwettaq riformi fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-għalliema. Qal li l-Partit Nazzjonalista jagħmel dawn il-wegħdi għaliex fiċ-ċentru tal-politika jpoġġi lill-persuna. F’dan il-każ qal li hemm l-istudenti, li l-pajjiż għandu jedukahom bl-aħjar mod u li l-edukaturi għandhom jibqgħu jagħtu l-aħjar tagħhom imma fl-istess waqt iħossu li jistgħu javvanzaw u mhux kif jiġri sal-lum, iridu jdumu jistennew snin twal biex jgħolew grad. Żied li dan għandu jħajjar lil aktar żgħażagħ biex jidħlu għal din il-professjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar fil-wegħda li jirdoppja għal €60,000 il-limitu għal min iħallas il-VAT biex jelimina l-burokrazija għan-negozji. Qal li għall-Partit Nazzjonalista, in-negozji ħafna minnhom tal-familja, jafdahom u b’din il-proposta jrid jagħtihom iċ-ċans li jkabbru l-ekonomija.

Dr Grech semma wkoll il-proposta biex il-bdiewa jkunu jistgħu jixtru l-art li jaħdmu u b’hekk ikunu qed jassiguraw provista ta’ ikel lokali u mhux jibqa’ għaddej dak li ddeskriva assedju fuq l-art tal-bdiewa bir-riżultat li ma jibqax bdiewa li jaħdmu l-art u fejn jidħol l-ikel il-pajjiż jibbaża biss fuq l-importazzjoni.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fl-elezzjoni li jmiss in-nies għandhom għażla, bejn Gvern li baqa’ bl-istess għanqbut għax jaħdem għall-ħbieb tal-ħbieb u mhux kapaċi jaqbad il-ħuta l-kbira u minflok jaqbad mal-ħut iż-żgħar, u l-Partit Nazzjonalista li qal m’għandux irbit u ma jibzax jieħu azzjoni kontra l-persuni li għamlu l-ħsara lill-pajjiż. Qal li mhux ġust li ż-żgħir jibqa’ jħallas il-prezz ta’ għemil il-ftit li stanaw u ġabu lill-pajjiż fl-istat li hu.