Barranin
Partitarji Ingliżi ma jistgħux jaraw il-logħba tal-Ingliżi f’Ruma minħabba l-kwarantina

Il-Federazzjoni tal-Futbol Ingliża qalet li ma tistax tbigħ biljetti lill-partitarji Ingliżi fir-Renju Unit li xtaqu jsegwu l-partita tal-Ingliżi tal-Euro 2020 f’Ruma nhar is-Sibt peress li l-Gvern Taljan qed jitlob liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jidħlu l-Italja biex joqogħdu ħamest ijiem kwarantina.

L-uniċi biljetti li se jkunu disponibbli għall-partitarji Ingliżi se jkunu qed jinbigħu mill-ambaxxata Ingliża f’Ruma u jistgħu jinxtraw biss mill-partitarji Ingliżi li joqogħdu l-Italja.

Filwaqt li l-impenn li jmiss tal-Ingliżi fil-Kampjonat Ewropew se jintlagħab quddiem 18,000 ruħ, il-Federazzjoni tal-Futbol Ingliża se jkollha f’idejha madwar 2,000 biljett biss. Fl-Italja hu stmat li joqogħdu madwar 30,000 ċittadin Ingliż.

Ilbieraħ it-tim Ingliż għamilha għall-kwartifinali tal-Euro 2020 wara li f’Wembley Stadium għeleb lill-Ġermanja bl-iskor ta’ 2-0. B’hekk, nhar is-Sibt, l-Ingliżi se jilagħbu kontra l-Ukrajna fid-9pm.