Lokali
Patri Mario jirċievi l-akbar sorpriża ta’ ħajtu – il-mudullun tiegħu jsalva ħajja ta’ omm Maltija

Il-ġest sabiħ li kien għamel Patri Mario Sant fl-2019 saraf f’sorpriża ħelwa. Il-Patri Franġiskan, li hu magħruf u maħbub minn bosta għall-ħidma tiegħu mal-morda, qed jitqies bħala eroj. Dan għaliex bil-ġest tiegħu, li jagħti l-mudullun lill-persuna li ma jafhiex, salva l-ħajja ta’ omm Maltija ta’ tliet itfal.

Sentejn ilu Patri Mario Sant, li huwa wieħed mill-qassisin li jaħdem Londra fost il-pazjenti Maltin, kien ta l-mudullun tiegħu lill-pazjenta li ma kienx jaf. Ma’ TVM, Patri Mario kien spjega li “wara sena li nktibt għajtuli biex nagħti dan il-mudullun. Sabu xi pazjent li kellu bżonn il-mudullun tiegħi. Wara t-testijiet li saru, f’ġurnata, tajt dan il-mudullun.”

Huwa kien iddeskriva dan il-ġest bħala “sodisfazzjon kbir, imma nerġa ngħid ma tkunx għamilt xi sagrifiċċju enormi. Imma tħoss ħafna ferħ …. Huwa proċess sempliċi li jsalva ħajja ta’ bniedem”.

Ma’ TVM, Patri Mario kien spjega x’wasslu biex jiddeċiedi li jagħti l-mudullun. Patri Sant kien qal “kellna tifel ta’ ħames snin li kellu bżonn ta trapjant ta’ mudullun. U fid-dinja ma setgħux isibulu donatur. Komplew ifittxu, imbagħad sabu donatur imma l-match ma kinitx mija fil-mija però mbagħad l-istorja ma spiċċatx tajjeb. U hekk, mill-istorja ta’ dan it-tifel iddeċidejt li ninkiteb bħala donatur hawnhekk.”

Ix-xewqa tiegħu kienet li jitlaqa’ mal-persuna li salva, li sa dak iż-żmien kien jaf biss li kienet mara. Hawnhekk kellu s-sorpriża ta’ ħajtu li kompliet tnissel fih il-ferħ.

Sadanitant, sentejn ilu, huwa kien iltaqa’ ma’ Agnes Vella ta’ 59 sena. L-omm ta’ tliet itfal kellha bżonn stem cells mill-mudullun biex tkun tista’ tikkumbatti l-kanċer.

Mal-Press Association, Patri Mario qal li Agnes kienet qed tirċievi l-kura f’Royal Marsden f’Londra meta bdew jiċċajtaw flimkien u qallha li hu jista’ jkun id-donatur tagħha. Dan hekk kif kienu għadhom kemm sejħulu biex jagħti d-donazzjoni tiegħu. Madanakollu, huwa spjega li skont ir-rekords, id-donatur tagħha kien Ingliż u huwa kien twieled Malta u għalhekk ma kinux qed jaħsbu li d-donatur kien hu. Spjega li barra minn hekk hu ta d-donazzjoni fi sptar differenti. “It-tnejn ittammajna u ċċajtana dwarha imma ħsibna li ma kinitx possibbli” qal Patri Mario.

Minkejja li l-ħbiberija bejn Patri Mario, Agnes u żewġha Francis kibret u baqgħu f’kuntatt qatt ma bassru li seta’ kien hu li salvalha ħajjitha.
Kollox inbidel, meta f’Mejju, 2020, Agnes xtaqet tkun taf min salvalha ħajjitha sabiex tirringrazzjah. Hemm ħareġ li d-donatur tagħha ma kien ħadd għajr il-kappillan tal-isptar, Patri Mario.

Sorpriż u kuntent, Patri Mario qal “kienet sorpriża sabiħa meta skoprejt li jien kont id-donatur tagħha”. Qal li meta Agnes kienet qaltlu li talbet biex tkun taf min hu d-donatur u hu fl-istess żmien irċieva email jistaqsuh jekk iridx jagħti d-dettalji tiegħu lill-mara li rċeviet d-donazzjoni beda jobsor.

“Kien mument sabiħ meta skoprejna li jien kont id-donatur tagħha. Ma stajniex nemmnu li bla ma riedna konna qsamna dan il-vjaġġ speċjali flimkien.” Dan hekk kif mhux biss kien ħdejha ġurnata qabel l-operazzjoni jżommilha jdejha u jtiha l-kuraġġ iżda kien hu li salvalha ħajjitha.

Erba’ xhur wara l-operazzjoni Agnes ġiet lura Malta. Huma baqgħu f’kuntatt billi jċemplu kull ġimgħa. Meta skoprew li hu kien id-donatur tagħha provaw jaraw kif jirranġaw biex jinżel Malta u jiltaqgħu. Minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-COVID-19, kien nhar il-31 ta’ Lulju li għadda meta ltaqgħu u għanqu lil xulxin mill-ġdid.

Mal-Associated Press, Agnes qalet meta kienet waslet Londra, Patri Mario qallha li kienu ċemplulu biex ikun donatur. Qalet li qatt ma ħasbet li d-donazzjoni kienet għaliha. Qalet li l-familja tagħha xtaqu jirreġistraw biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom iżda ma setgħux għax ma kellhomx indirizz Ingliż. Min-naħa tiegħu, Patri Mario kellu u għalhekk seta’ jagħti d-donazzjoni tiegħu. “Huwa salvali ħajti u grata ħafna lejh”.